Qabel beda l-Kungress f’Helsinki, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu diversi laqgħat ma’ mexxejja ta’ partiti oħra Ewropej u maż-żewġ kontestanti għall-pożizzjoni ta’ kandidat f’isem il-Partit Popolari Ewropew għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, Manfred Weber u Alexander Stubb.
F’laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u d-delegazzjoni Maltija, iċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) u kontestant biex ikun kandidat f’isem l-istess partit għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, Manfred Weber, qal li l-akbar familja politika Ewropea flimkien mal-Partit Nazzjonalista qed joffru soluzzjonijiet biex jindirizzaw l-isfidi tal-poplu Malti.
Matul dawn il-laqgħat f’Helsinki, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar temi li jistgħu joħonqu l-futur ta’ pajjiżna , u kif permezz tal-ħidma politika tal-Partit Nazzjonalista f’Malta qed jipprova jerġa’ joħloq soċjetà li jimpurtaha. Fost id-diversi sfidi li ġew diskussi, Adrian Delia tkellem dwar il-problemi tal-immigrazzjoni, dwar in-nuqqas ta’ pjan u l-iżbilanċ politiku tal-Gvern, u kif ukoll dwar il-problemi ta’ sigurtà fil-pajjiż – u kif il-Partit Nazzjonalista jrid ikun ta’ alternattiva u jkun kapaċi juri lill-poplu Malti li hu l-Gvern alternattiv.
F’referenza partikolari, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr kif f’Malta hemm bżonn li nsaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa kemm fuq lat politiku, iżda wkoll fis-soċjetà. Semma’ kif f’Malta għad jeżistu problemi ta’ gender pay gap, jiġifieri li n-nisa Maltin jaqilgħu paga relattivament inqas meta kkumparata ma’ rġiel li jagħmlu l-istess xogħol. Stqarr li l-Gvern Laburista preżenti naqas milli jindirizza dawn l-problemi reali fis-soċjetà tagħna.
Minn naħa tiegħu, Manfred Weber stqarr li l-PPE u l-PN għandhom is-soluzzjonijiet biex jindirizzaw l-isfidi tal-Maltin, għaliex huma viċin in-nies. Semma’ kif kemm l-immigrazzjoni u anke s-sigurtà huma ta’ prijorità fuq l-aġenda tal-PPE mhux biss għal Malta, imma anke fuq skala Ewropea. Stqarr li dwar dawn is-suġġetti, u hekk kif toqrob l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej, il-PPE se jkun qed jitkellem aktar dwar kif l-immigrazzjoni illegali trid tieqaf tul il-fruntieri kollha tal-Unjoni Ewropea. Manfred Weber ħeġġeġ biex il-Maltin ma jieħdux l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’kapriċċ, anzi tenna li din hi elezzjoni li se tiddetermina l-futur tal-Unjoni Ewropea – u għalhekk hu importanti li l-poplu Malti jivvota għall-kandidati Nazzjonalisti biex il-Partit Popolari Ewropew jirbaħ il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew u jkun jista’ jindirizza dawn l-isfidi.
F’laqgħa oħra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mal-kandidat kontestant biex ikun kandidat f’isem l-istess partit għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea Alexander Stubb. Il-kandidat stqarr li jekk jingħata l-fiduċja, se jkun qiegħed jagħti pjattaforma akbar lill-pajjiżi żgħar bħal Malta biex ikollhom leħen aktar b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea. Żied matul iż-żmien tiegħu jaħdem fil-PPE, hu ħadem tajjeb ħafna mal-MEPs Maltin f’isem il-Partit Nazzjonalista, u għalhekk jixtieq iżomm dan il-kuntatt.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu sensiela ta’ laqgħat oħra ma’ mexxejja prominenti, fosthom il-Campaign Manager tal-PPE Dara Murphy, il-Viċi Prim Ministru tal-Belġju Kris Peeters, u l-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Greċja Kyriakos Mitsotakis, il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ Spanja Pablo Casado, u l-Membru Parlamentari Taljan Lorenzo Cesa.
Parti mill-iskop ta’ dan il-Kungress tal-PPE hu biex jintgħażel persuna li se jkun qiegħed jikkontesta f’isem din il-familja politika għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, waħda mill-aktar karigi importanti fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dwar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia diġa’ ħabbar fil-jiem li għaddew li se jkun qiegħed jivvota Manfred Weber biex ikun il-kandidat fuq f’isem il-PPE.
Filmati u ritratti: Roberto Runza
//= $special ?>