Lokali

FILMAT U RITRATTI: Stat ta’ abbandun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Abbandun fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid, hekk din il-kamra tal-aħbarjiet irċeviet numru ta’ ritratti u anki filmati tan-nuqqas li hemm f’dan l-akbar Ċimiterju fil-pajjiż, fejn il-maġġoranza tal-Maltin jidfnu l-għeżież tagħhom.

Minħabba li dan ix-xahar huwa magħruf bħala ix-xahar tal-mejtin, huma ħafna li jżuru lil qrabathom f’dan iċ-ċimiterju… fil-filmat jidhru knaten fuq xulxin, mitluqa, zoni mimlija terapien, u passaġġi mfarka.

Wieħed ma jistax ma jinnutax ukoll il-mod goff kif qed jingħata l-konkos fil-passaġġi, tant li wħud minnhom qed iwasslu biex issir ħsara lis-siġar u l-għeruq tagħhom.

Persuna li kelmitna qaltilna li mal-bieb prinċipali taċ-ċimiterju hemm permess jidher biex jibda’ r-restawr, dan il-permess – ironikament – ħareġ fit-8 ta’ Novembru 2017, eżatt sena ilu.

Is-sors taghna qalilna li għalkemm hemm il-permess, wara sena qisu ma’ beda l-ebda xogħol fiċ-ċimiterju.

Sadanittant, tispikka wkoll it-telqa li tinsab fiha l-Kappella taċ-Ċimiterju, meqjusa minnha nfisha bħala monument għall-eluf li jżuru dan il-post sagru. Illum il-ġurnata, din il-Kappella tinsab fi stat tal-biki, bi twieqi mkissrin u skultura li qed taqa’.