Minbarra l-parteċipazzjoni f’diversi laqgħat matul il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Helsinki, il-Membru Ewroparlamentari Roberta Metsola indirizzat lill-eluf ta’ parteċipanti waqt dibatittu dwar l-isfida Ewropea tal-immigrazzjoni – fejn għamlet appell lill-mexxejja tal-akbar familja politika Ewropea biex jerġgħu jikkonfermaw il-valuri tal-PPE meta jkunu kkonfrontati b’deċiżjonijiet dwar l-ekonomija, l-immigrazzjoni u l-bidla soċjali.
Matul id-dibatittu, Roberta Metsola tenniet li l-immigrazzjoni tibqa’ waħda mill-akbar sfidi ta’ din il-ġenerazzjoni, u li r-risposti għall-mistoqsijiet li qegħdin isiru miċ-ċittadini mhumiex fil-populiżmu ta’ wħud mill-politikanti – u lanqas ma jinsabu fid-dinja immaġinarja tal-lemin estrem jew inkella l-ftuħ totali tal-fruntieri tax-xellug estrem. “Huma il-prinċipji li jħaddan dan il-Partit Popolari Ewropew – is-sistema tal-valur Ewropew – li aħna rridu nenfasizzaw fuqhom”, qalet l-MEP Roberta Metsola.
L-Ewroparlamentari qalet li l-politiċi ma jistgħux jgħaddsu rashom fir-ramel, hekk kif in-nies għandhom biża ġenwina dwar dan, u li l-mħuħ jistgħu biss jistrieħu billi jiġu rinforzati l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. “Irridu nkunu aħna tal-PPE, li niġġieldu biex insaħħu l-fruntieri – u għalhekk fil-preżent qegħdin niddiskutu biex inżidu b’madwar €10 biljun fil-budget tal-UE, u eluf ta’ persuni fl-ekwipaġġ mal-fruntieri u l-gwardji tal-kosta l-ġodda tal-Unjoni Ewropea.
Il-Membru Parlamentari Roberta Metsola, li ġiet inkarigata tmexxi l-liġi l-ġdida dwar il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea fil-Parlament, qalet: “Il-prinċipji tagħna jfissru li dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni tagħna tingħatalhom, pero hu essenzjali wkoll li ssir differenza bejn min għandu bżonn il-protezzjoni u min qiegħed ifittex ix-xogħol. Għaliex aħna rridu nifhmu li l-Istati Membri jridu jkunu kapaċi jikkontrollaw is-swieq tax-xogħol u aħna nafu li waqt li hemm nies li qegħdin jaħarbu mill-gwerrer, ġuħ u prosekuzzjoni li b’hekk għandhom id-dritt għall-protezzjoni, li rridu nagħmlu aktar biex nirrispettaw – hija verità wkoll li din ma tistax tiġi interpretata fi dritt fundamentali għall-immigrazzjoni mingħajr kundizzjonijiet. Il-protezzjoni hija dritt. L-immigrazzjoni mhijiex.”, qalet Roberta Metsola.
Waqt id-dibatittu, Roberta Metsola saħqet li għal dawk in-nies li għandhom bżonn il-protezzjoni, aħna jrid ikollna sistema li ma tabbandunax lin-nazzjonijiet Mediterranji. “Ir-responsabbiltà trid tinqasam, il-ħajjiet tan-nies iridu jiġu salvati u d-drittijiet tagħhom rispettati”, qalet l-Ewroparlamentari.
Roberta Metsola qalet ukoll li l-immigrazzjoni toħloq sfida, iżda aħna rridu nindirizzawha b’tali mod li ma tagħtix riħ lill-estremisti u lis-segwaċi tal-lemin estrem b’dak li qegħdin naraw iseħħ madwar id-dinja. “L-immigrazzjoni titratta lin-nies u aħna qatt ma nistgħu nitilfu dan l-iskop. Aħna bħala PPE irridu nibqgħu l-vuċi tal-kalma, moderati, u raġjonevoli f’dibattiti li f’ħafna mid-drabi jkunu dominati mill-għajjat tax-xellug u l-marġini tal-lemin estrem. “Forsi wasal iż-żmien li nuru li anke aħna kapaċi ngħajtu wkoll – u li magħna ma jkunx biss ħoss vojt”, ikkonkludiet il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola.
Matul id-dibattitu, flimkien ma’ Roberta Metsola, ħadu sehem il-Ministru tal-Intern Finlandiż Kai Mykkanen, il-Kap tal-Oppożizzjoni Spanjol Pablo Casado, u l-Kap tal-Partit CDA tal-Olanda Sybrand Buma.
//= $special ?>