Lokali Unjoni Ewropea

KUNGRESS PPE: Tibda l-ħidma tal-PN fil-Kungress ta’ Helsinki

Is-sala fejn qed jiġi organizzat il-Kungress tal-PPE f'Helsinki
Adrian Delia u delegazzjoni ta' għaxar persuni mill-Partit Nazzjonalista jaslu f’Helsinki

Illum tibda l-ħidma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-Finlandja, fejn f’dawn il-jumejn se jkun qiegħed imexxi delegazzjoni ta’ għaxar minn nies f’isem il-Partit Nazzjonalista waqt il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għal din is-sena. Fil-belt ta’ Helsinki, Adrian Delia se jkun qiegħed jiltaqa’ u jiddiskuti ma’ diversi Kapijiet ta’ Stati u Mexxejja ta’ partiti oħra li flimkien jiffurmaw l-akbar familja politika fl-Unjoni Ewropea – dik tal-Partit Popolari Ewropew.

Adrian Delia se jkollu diversi laqgħat ma’ mexxejja Ewropej oħra mill-istess familja politika lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – elezzjoni li fiha ċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropa kollha se jkunu qegħdin jivvuttaw għar-rappreżentanti tagħhom. Filfatt l-ewwel laqgħa tad-delegazzjoni Nazzjonalista se tkun għall-ħabta tad-9am ħin ta’ Malta, u se tkun maċ-Chairman tal-PPE u kontestant għall-kariga ta’ kandidat f’isem il-PPE għall-pożizzjoni ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Imbagħad aktar tard għall-ħabta tal-4.30pm ħin ta’ Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qed jindirizza lill-folla ta’ madwar 2,000 mistieden minn 41 pajjiż differenti, mhux biss ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Minbarra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, mistennija jitkellmu diversi Kapijiet ta’ Stati u Mexxejja ta’ partiti ewlenin mill-istess familja politika tal-PPE, fosthom Angela Merkel, Silvio Berlusconi, u Pablo Casado.

Fost id-diversi mistiedna li se jkunu qegħdin jindirizzaw dan il-Kungress tal-PPE, ġie mistieden sabiex jattendi wkoll l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi – fejn minbarra li se jkun qiegħed jattendi laqgħat bejn eks Kapijiet ta’ Stati f’wieħed mill-istituti fi ħdan il-PPE, se jkun qiegħed jipparteċipa fid-diskussjoni bit-tema tal-futur għall-Kooperazzjoni fid-Difiża tal-Ewropa.

F’wieħed mill-panels ta’ diskussjoni, se tkun qegħda tieħu sehem ukoll il-Membru Parlamentari Roberta Metsola, fejn flimkien ma’ tliet parteċipanti oħra mill-Olanda, Spanja u l-Finlandja se tkun qed titratta t-tema dwar il-problema tal-immigrazzjoni li l-Ewropa qegħda taffaċja.

Parti mill-iskop ta’ dan il-Kungress tal-PPE hu biex jintgħażel persuna li se jkun qiegħed jikkontesta f’isem din il-familja politika għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, waħda mill-aktar karigi importanti fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dwar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia diġa’ ħabbar fil-jiem li għaddew li se jkun qiegħed jivvota Manfred Weber biex ikun il-kandidat fuq f’isem il-PPE.

Għal dan il-Kungress importanti għall-futur tal-Unjoni Ewropea, Adrian Delia se jkun qed jiġi akkumpanjat minn delegazzjoni ta’ għaxar persuni: il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut, is-Segretarju Internazzjonali Roslyn Borg Knight, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, u t-tliet MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.

L-aħħar Kungress tal-Partit Popolari Ewropew ġie organizzat f’Malta fl-2017.