Lokali Turiżmu

L-Air Malta twaħħal fil-bdoti għal jum ieħor ta’ dewmien

Passiġġieri tal-Air Malta inqabdu f’Moska wara li t-titjira KM 561, dik li suppost kellha titlaq fis-6.30 ta’ filgħodu, ittardjat għal numru ta’ sigħat.

Ironikament, l-istess sfortuna laqtet lil numru ta’ passiġġieri tal-Air Malta li qabdu it-titjira KM 101 minn Londra, fl-ajruport ta’ Heathrow. Għal din it-titjira kien hemm delay ta’ aktar minn siegħa – fi stqarrija ftit tal-ħin ilu, l-Air Malta mill-ġdid waħħlet fil-piloti għal dan id-dewmien, billi ddikjarat li dan seħħ għax kemm il-crew li kien ippjanat li jagħmel it-titjira, kif ukoll il-ko pilota tal-crew li kien standby kienu ma jifilħux.

Kawża ta’ roster mill-iktar ippakkjati, mhux biss ġiet delayed it-titjira lejn Moska, b’għaxar sigħat u nofs, imma wkoll numru ta’ titjiriet oħra, inkluż dik lejn Hamburg li ġiet delayed b’siegħa.

Ġiet delayed ukoll, bi kważi tliet sigħat, titjira minn Malta lejn Londra, li kienet titjira b’ajruplan mikri. Dan kollu bi stima ta’ spiża ta’ €85,000.

B’avvenimenti bħal dawn qed jidher kif ċar li l-iskeda mimlija u bla ħsieb tal-Ministru Konrad Mizzu qed tkompli titfa’ piż fuq il-linja nazzjonali tal-arju u dawk li jużaw is-servizz tagħha, bir-reputazzjoni tal-linja nazzjonali qed tibqa’ tmur minn taħt.

Net News hu infurmat li s-sitwazzjoni tant iddeġenerat li l-kumpanija kellha tikri ajruplan mil-lum għal-lum, bi spejjes li jlaħħqu eluf kbar.

Qed jispiċċaw ukoll fil-mira l-ħaddiema stess tal-Air Malta li jiġu kritikati inġustament, meta fil-verità il-fjask qed isir fil-livell ta’ fuq nett.

Fil-Budget 2019 il-Gvern iddedika biss tliet paġni lis-settur tat-Turiżmu mingħajr l-ebda proposta ġdida għall-Air Malta. Minkejja t-tgergir u n-nuqqas kollu li kien qed jissemma’ minn kulħadd b’rabta mas-servizzi tal-linja tal-ajru, il-Ministru Edward Scicluna qal li l-kumpanija kompliet għaddejja b’ritmu mgħaġġel u bdiet timraħ f’rotot ġodda… izda ma semma’ l-ebda investiment ġdid.