Lokali

L-ikbar shelter f’pajjiżna ser jinfetaħ nhar il-Ħadd li ġej

Wieħed mill-ikbar shelters li għandna f’pajjiżna, dak taħt l-Isptar Militari tal-Ingliżi, se jinfetaħ għall-pubbliku nhar il-Ħadd li ġej.

Matul il-gwerra, dan ix-shelter kien jintuża bħala estensjoni tal-Isptar, tant li jinkludi passaġġi u fetħiet kbar li kienu jippermettu li jingħaddu l-pazjenti fuq stretchers jew saħansitra permezz ta’ ambulanza.

Fih wieħed jinnota diversi kmamar li fhim kienu jinżammu l-pazjenti u saħansitra postijiet li kienu jintużaw bħala swali għall-operazzjonijiet.

Dak li sa ftit żmien ilu kien post li jintuża bħala fabbrika tal-faqqiegħ, illum-il ġurnata qed jitnaddaf biex ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku, li se jkun jista’ jesplora partijiet minn dan ix-shelter li għandu mill-inqas 11-il bokka u mifrux fuq tliet sulari taħt l-art.

Il-ftuħ ta’ dan ix-shelter qed isir bħala parti mill-attivitajiet ta’ Military Imtarfa, attività li ssir kull sentejn f’din il-lokalità.

Attivitajiet li qed ikunu organizzati fil-mitt sena minn Jum l-Armistizju, li jikkommemora l-jum tal-waqfien mill-gwerra. Għal dan l-għan, il-jum jibda’ b’tifkira fiċ-ċimiterju tal-Ingliżi biex minn hemm jitlaq konvoj ta’ vetturi militari.

Mal-wasla ta’ dawn il-vetturi fl-Imtarfa, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu, jingħata bidu uffiċjali għat-tmien edizzjoni ta’ Military Imtarfa, li tibqa’ għaddejja sal-ħamsa.