It-tlestija tal-proġett tal-Iskola Medika ta’ Barts ikompli jiġi pospost u s’issa għad m’hemmx data eżatta ta’ meta din l-iskola se tibda tiffunzjona b’mod komplet.
Dan ħareġ fil-Parlament, meta saret mistoqsija mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said lill-Ministru tal-Edukazzjoni.
Eventwalment kien il-Ministeru tas-Saħħa li kkonferma d-dewmien u ddikjara li l-proġett, li suppost tlesta sentejn ilu, issa suppost li jkun lest għan nofs is-sena d-dieħla.
Dan waqt li għadu misteru kemm hemm studenti f’din l-iskola medika, bil-Prim Ministru Joseph Muscat li oriġinarjament kien wiegħed 300 student sal-ħames sena mill-bidu tal-proġett.
Mill-ġdid, mistoqsijiet dwar kemm qed jattendu studenti reġgħu ma ġewx imwieġba, bil-Ministeru tal-Edukazzjoni jiddikjara li din hi informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
Ironikament, meta iktar kmieni din is-sena saret talba mit-Times of Malta direttament lil Barts, dawn wieġbu li l-ammont ta’ studenti hu 40.
//= $special ?>