Il-Pulizija rċievew rapport dwar attakki u abbużi mill-Kunsillier Laburista tal-Belt Valletta Ray Azzopardi fil-konfront tas-Segretarju Eżekuttiv tal-istess kunsill, Gabriella Agius. F’diversi posts fuq facebook, Azzopardi jinfexx jattakka u jagħti fastidju lil Agius. Saħansitra tella’ wkoll video fejn fih qed jirredikola lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Jidher illi Gabriella Agius, li hi ufficjal pubbliku, insistiet mal-Pulizija li dawn l-attakki u abbużi min-naħa tal-Kunsillier Laburista Ray Azzopardi ilhom għaddejjin għal seba’ snin. Huwa mifhum li dan l-atteġġament beda minħabba miżuri li ħadet li ma niżlux tajjeb ma’ Azzopardi.
Dawn l-abbużi qed joħolqu tensjoni kbira fost il-kunsilliera tal-Belt Valletta. Dan wassal ukoll biex diversi residenti Beltin spiċċaw huma wkoll jgħajru lil Gabriella Agius f’posts fuq facebook.
Fis-snin passati kienu saru diversi attakki mill-istess Ray Azzopardi kemm fuq is-Sindku Alexiei Dingli, fuq is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, kif ukoll kunsilliera oħra sħabu.
Il-minority Leader Laburista Norman Shaw fi Frar li għadda kien iddeskriva lil Azzopardi bħala “il-buffu” fiċ-ċentru ta’ ċirku.
Lura fl-2015, l-istess Azzopardi, fuq facebook għażel li jxerred ritratt tal-arma tal-Partit Nazzjonalista imma flok l-ittri “PN” kiteb l-ittri “IS IS” bil-kuluri iswed u abjad. Kummenti li kienu waslu għal rabja fost diversi persuni.
//= $special ?>