Formula 1 Sport

Titħabbar żieda fil-kalendarju tal-Formula 1 għall-istaġun tal-2020

Il-kalendarju tal-Formula 1 fl-2020 se jkollu żieda hekk kif tħabbar li f’April tal-2020 se jsir Grand Prix għall-ewwel darba fil-belt kapitali ta’ Vietnam f’Hanoi. Din hi l-ewwel tiġrija li żdiedet kemm ilhom li Liberty Media ħadu t-tmexxija ta’ dan l-isport.

Din id-deċiżjoni hu sinjal ċar li l-Formula 1 qed tipprova tiġbed udjenzi ġodda madwar id-dinja, bil-Vietnam se jsir ir-raba’ pajjiż fir-reġjun tal-Asja wara Singapore, iċ-Ċina u l-Ġappun.

Il-promoturi minn Hanoi, Vingroup, iffirma kuntratt twil biex jospita dan il-Grand Prix li se jkun fil-qalba tal-belt ta’ Hanoi. Iċ-ċirkwit hu twil 5.565km u żgur li se tkun tiġrija eċċitanti kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-partitarji minħabba l-mod kif hi mibnija.

Minbarra li hu r-raba’ pajjiż li se jkollu ċirkwit fl-Asja, il-Vietnam hu r-raba’ pajjiż ukoll li se jkollu ċirkwit fit-triq wara Monaco, Singapore u l-Ażerbajġan. Dan iċ-ċirkwit għandu diversi similaritajiet ma’ partijiet minn ċirkwiti oħra. L-ewwel żewġ kantunieri huma bbażati fl-ewwel kantunieri taċ-ċirkwit ta’ Nurburgring fil-Ġermanja.

Id-dawriet minn numru 12 sa numru 15 hu familjari maċ-ċirkwit ta’ Monaco mill-ewwel kantuniera fit-telgħa sa Massenet. Id-dawriet minn 16 sa 19 ifakkru f’partijiet ikoniċi f’Suzuka, filwaqt li l-aħħar tliet kantunieri huma ispirati miċ-ċirkwit ta’ Sepang fil-Malasja.

Fost il-karatteristiċi li se jkun hemm f’dan iċ-ċirkwit hemm kantunieri diffiċli iżda wkoll dritti twal waħda minnhom ta’ kilometru u nofs li fiha mistenni li l-karozzi jlaħħqu veloċità ta’ 335 kilometru fis-siegħa.