Futbol Sport

Ceferin: L-ebda sfida għall-Presidenza tal-UEFA

Il-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin, se jikkuntesta mill-ġdid– u mingħajr l-ebda sfida – għat-tmexxija ta’ din l-entità li tamministra l-futbol Ewropew, waqt il-vot ta’ Frar li ġej.

Il-UEFA ħabbret in-nomini għall-karigi amministrattivi ewlenin tagħha wara d-deadline tal-Erbgħa u fejn deher ċar li ħadd ma kien se jikkuntesta kontra Ceferin, li kien elett President tal-UEFA fl-2016.

Aleksander Ceferin, avukat mis-Slovenja u li għandu 51 sena, kien għeleb lill-amministratur tal-futbol Olandiż, Michael van Praag, fil-vot partikulari li sar wara li l-eks-President tal-UEFA, Michel Platini, kien spiċċa sospiż mill-kumitat tal-etika tal-FIFA dwar aġir mhux kompatibbli mar-responsabbiltajiet tiegħu.

Sadanittant, l-Ungeriż, Sandor Csanyi, ukoll għandu jkun elett mill-ġdid bħala Viċi-President tal-FIFA għall-Ewropa.

Dan meta mhemm l-ebda kandidat ieħor li se jikkuntesta kontra tiegħu.

Madankollu, is-sitwazzjoni hi differenti rigward il-Viċi-Presidenza tal-FIFA li tirrappreżenta lill-erba’ assoċjazzjonijiet tal-futbol Britanniċi.

F’dan il-każ hemm l-isfida diretta bejn Greg Clarke, tal-FA Ingliża, u David Martin tal-Irlanda ta’ Fuq.

Il-votazzjoni se ssir waqt il-kungress tal-UEFA li jkun organizzat f’Ruma (fl-Italja), fis-7 ta’ Frar, 2019.