Ir-rimonta ta’ Manchester United kontra Juventus fil-logħba taċ-Champions League, f’Turin, qanqlet rabja kbira fost il-plejers tat-tim Taljan, bil-kowċ ta’ Juventus, Massimiliano Allegri, jilmenta talli t-tim ‘spiċċa jħallas qares wara li naqas mir-ritmu lejn l-aħħar tal-konfront’.
Juventus iddominaw il-konfront u laqtu l-lasta darbtejn anki jekk United urew li setgħu jkunu ferm perikolużi bil-kontra-attakki. Intant, it-tim Ingliż wera karattru rari biex idawwar telfa f’rebħa fl-aħħar ħames minuti b’gowls ta’ Mata ( minn freekick) u awto-gol ta’ Sandro, bir-riżultat jikkundanna liċ-champions Taljani għall-ewwel telfa tal-istaġun fil-kompetizzjonijiet kollha.
‘Hu għalhekk li nħossni rrabjat mal-plejers tiegħi, meta dawn, minn żmien għal żmien, għandhom it-tendenza li jorqdu meta l-logħba tkun f’idejhom’, sostna Allegri waqt l-ewwel intervista wara d-disfatta. Il-kowċ Taljan kompla li huma jridu jkomplu jaħdmu fuq din il-problema ‘għaliex riżultati diżappuntanti bħal dawn juruna li l-wirjiet tajbin biss jistgħu ma jkunux biżżejjed’.
Allegri kompla li Manchester United rebħu numru ta’ freekicks fil-logħba tat-tieni leg f’Turin ‘u li dan kien l-uniku mod kif huma kienu se jiskurjaw’.
Il-kowċ ta’ Juventus kemm-il darba enfasizza l-importanza li l-plejers tiegħu jitgħallmu kif ‘jinterpretaw il-logħba’ wara li Juventus, f’dan l-istaġun, dehru jnaqqsu mill-intensità u konċentrazzjoni f’numru ta’ konfronti – b’mod partikulari waqt il-logħba tal-kampjonat ma’ Genoa fejn tilfu żewġ punti fi draw ta’ 1-1, u wara li skurjaw l-ewwel.
‘In-nuqqas ta’ konċentrazzjoni jaf jiswielna l-unuri,’ sostna Allegri, li qed jesiġi biex il-plejers tiegħu ‘juru aktar rispett lill-avversarji’ biex jevitaw aktar żelqiet bħal dawn’.
Id-difensur ta’ Juventus, Giorgio Chiellini, qabel ma’ Allegri u qal li t-telfa ma’ Manchester United għandha sservi bħala lezzjoni għat-tim tiegħu.
‘Ma kkonċentrajniex biżżejjed u ma konniex tajbin biżżejjed biex naċċertaw mir-rebħa, minkejja s-sinjali li l-logħba kienet tagħna’, qal Chiellini. Id-difensur ikkonkluda li tim bħal Juventus ‘ma jaffordjax li jarmi logħba fuq dan il-livell fi spazju ta’ ħames minuti’.
//= $special ?>