Lokali

FILMAT: L-awtoritajiet iridu jindirizzaw il-ġrieħi tas-soċjetà

Caritas Malta ta' Spalla għall-batut f'dawn il-50 sena

Il-Fondazzjoni Caritas Malta twaqqfet fil-11 ta’ Novembru tal-1968 minn Dun Fortunatu Mizzi bil-għan li tkun viċin in-nies fil-bżonn u toffri diversi servizzi soċjali lill-poplu Maltin mingħajr ebda ħlas. Hija tagħmel parti minn l-organizzazzjoni internazzjoni tal-Caritas madwar id-dinja, taħt il-kappa tal-Papa.

Biex jitfakkar il-50 anniversarju tagħha, il-Caritas se tkun impenjata telenka l-4 ġrieħi tas-soċjetà biex dawn jiġu indirizzati mill-awtoritajiet, kif spjega id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt.

“L-ewwel ġerħa hija d-differenza kbira bejn il-fqir u s-sinjur. Filwaqt li hawn ħafna nies li sejrin tajjeb ħafna, hawn min għandu dħul baxx li għaddej minn problemi, bħal jiddependi fuq is-suq tal-kera. Dawk huma nies li qed ibatu ħafna. It-tieni problema hija l-pjaga tad-droga fejn naraw żieda fin-nies li jużaw il-kokaina u l-kannabis. Il-biża’ tagħna hija li l-kannabis tkun disponibbli aktar għan-nies. It-tielet waħda hija t-theddida għat-tifrik tal-familja. Filwaqt li għadu ma ntilifx is-sens ta’ kounuità u solidarjetà, nibżgħu li dan is-sens qed jitnaqqar fis-soċjetà tagħna hekk kif fost l-oħrajn qegħdin nesperjenza żieda akbar fis-sperazzjonijiet u d-divorzju. L-aħħar pjaga hija s-solitudni hekk kif naraw nies li spiċċaw aljenati u maqtugħin mill-familji tagħhom filwaqt li jbatu solitudni kuljum.”

Huwa fid-dmir tal-awtorijiet li dawn jiġu ndirizzati biex b’hekk tixpruna lill-poplu jkun aktar ħanin maż-żgħir u l-batut.

Mons. Victor Grech inħatar fit-tmexxija tal-Caritas fl-1977 fejn kien katalista biex il-fondazzjoni tkun il-vuċi tan-nies fil-bżonn permezz tal-ħidma soċjali b’firxa usa ta’ servizzi offruti. Qabel id-direttur preżenti, kien inħatar Leonard Mckay li lkoll komplew dan ix-xogħol flimkien ma’ tant voluntier, ħaddiema u benefatturi.

F’konferenza stampa li ssejħet għal din l-okkażjoni, il-Vigarju Episkopali fuq id-Djakonija, Mons. Charles Cordina, qal kif Caritas Malta hi fil-qalba ta’ ħidmet il-Knisja Maltija għaliex poġġiet fiċ-ċentru l-bniedem, partikolarment dwak vulnerabbli. Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà ħabbar kif se tkun qed tikkolabora mal-Caritas fuq proġett soċjali u qal li kieku m’hawnx problemi, illum m’hawnx il-Caritas.

Intant, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, il-fondazzjoni għażlet li jkollha immaġni ġdida b’logo li juri salib aħmar u tnax-il fjamma ħierġa, li jissimbolizzaw l-imħabba ta’ Kristu tant li l-kelma Caritas ma tfissirx karità iżda l-imħabba Kristjana lejn l-umanità. Fost diversi attivitajiet li hemm imħejjija, il-Ġimgħa se ssir quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mill-Arċisqof fejn wara l-Caritas tkun mistiedna għand il-President ta’ Malta. Id-dilettanti tal-filatelija se jkollhom tifkira ta’ dan l-anniversarju hekk kif se jinħarġu bolla u timbru kommemorattivi mill-MaltaPost. F’Jum il-Milied, il-Caritas se terġa’ żżomm l-ikla tradizzjonali tal-Milied fil-Kurja għal dawk li jkunu waħedhom f’din il-ġurnata għażiża, li għaliha s-sena l-oħra attendew 400 persuna.