Internazzjonali

Ftit siegħat wara l-“mid-terms”: Trump ikeċċi lill-Avukat Ġenerali, jirtira l-kredenzjali ta’ ġurnalist ta’ CNN

L-eks Avukat Ġenerali Amerikan Jeff Sessions

Ftit siegħat wara li għaddew l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti, il-President Amerikan Donald Trump keċċa lill-Avukat Ġenerali Jeff Sessions. Sessions hu l-aħħar minn lista twila ta’ uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni Trump li irriżenjaw jew tkeċċew f’temp ta’ sentejn. Post Sessions ittieħed miċ-Chief of Staff tal-Eks Avukat Ġenerali Matthew Whitaker u dan qajjem allarm kbir fost bosta, inkluż politiċi mill-kamp tal-Partit Repubblikan.

Fil-fatt, Whitaker hu kritiku ħafna tal-inkjesta li għaddejja bħalissa mill-FBI dwar jekk kienx hemm indħil u konfoffa mir-Russja fl-elezzjoni tal-2016 li poġġiet lil Donald Trump fil-White House. Jeff Sessions ilu fil-mira ta’ Donald Trump sa minn Marzu tas-sena li għaddiet meta kien irrekuża ruħu u rrifjuta li jwaqqaf jew imewwet l-investigazzjoni tal-FBI. Ħafna qed jinterpretaw din it-tkeċċija bħala mossa minn Trump biex l-investigazzjoni tiġi maqtula darba għal dejjem.

Sadanittant, wara konferenza tal-aħbarijiet imqanqla fejn il-President Trump kien f’battibekk ma’ korrispondent ta’ CNN, dan tal-aħħar kellu l-kredenzjali tiegħu irtirati u ma jistax iktar jirrapporta mill-White House. Ir-raġuni uffiċjali li ngħatat kienet li l-korrispondent Jim Acosta, kien mess impjegata tal-White House li pprovat teħodlu l-mikrofonu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet. Din l-azzjoni ġibdet il-kundanna ta’ bosta, ewlenija fosthom l-assoċjazzjoni tal-korrispondenti li tirrappreżenta l-ġurnalisti li jkunu assenjati biex jirrapportaw mill-White House.