Lokali Qorti

Gwardjan akkużat li stupra żewġ minuri

L-allegati każijiet ġraw bejn it-30 ta’ Lulju u d-19 ta’ Ottubru ta’ din is-sena

Gwardjan tal-Ħabs ta’ 52 sena minn Ħal Kirkop inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkuzat illi bejn Lulju u Ottubru stupra u abbuża sesswalment minn żewġ minuri fil-habs, li ghandhom 15 u 16 il-sena.

Il-kazi ġraw meta huma kienu qed jinżammu taħt arrest fil-ħabs fit-Taqsima YOURS fl-Imtaħleb. Għall-mistoqsijiet tal-Maġistrat Audrey Demicoli l-akkuzat, Joseph Zammit, wieġeb mhux ħati.

Hekk kif bdiet is-seduta l-Avukat Difensur Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest.

Madankollu l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil oġġezzjonat għal din talba. Hu insista illi l-akkużi huma serjissimi, fosthom stupru. Apparti minn hekk tista’ tiġi kkontaminiata x-xhieda, b’mod partikolari tal-gwardjani l-oħra.

Fil-Qorti nqtal kif waħda mill-allegati vittmi qed tiskonta sentenza, u l-oħra tinsab taħt arrest preventiv, u għalhekk jekk din tingħata l-ħelsien mill-arrest, l-akkużat jista’ jagħmel kuntatt magħha.

Apparti l-akkużi ta’ stupru hu ġie mixli wkoll li għamel reat li hu suppost ipprevjena meta ġie fdat bir-responsabilita’ ta’ dawn il-minuri.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest, u qalet li Zammit għandu jinżamm arrestat fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli, dan sabiex ma jkunx jista’ jkellem il-gwardjani l-oħra fil-ħabs.