Lokali Unjoni Ewropea

KUNGRESS PPE: Id-Delegazzjoni Nazzjonalista f’Helsinki tivvota għal Manfred Weber

Aqra x'inhi l-viżjoni taż-żewġ kontestanti għall-kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea - Manfred Weber u Alexander Stubb

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Helsinki hi l-għażla tal-kandidat li se jkun qed jikkontesta f’isem il-PPE biex jiġi maħtur President tal-Kummissjoni Ewropea – għażla bejn il-Ġermaniż Manfred Weber, u l-Fillandiż Alexander Stubb.

Matul dawn l-aħħar xhur, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia flimkien mad-delegazzjoni Nazzjonalista kienu qegħdin f’kuntatt kontinwu sabiex iż-żewġ kandidati jwasslu l-messaġġ tagħhom matul din il-kampanja interna fi ħdan il-PPE. Ilbieraħ stess, lejliet l-elezzjoni, Adrian Delia u d-delegazzjoni Nazzjonalista ltaqgħu f’laqgħat bilaterali fejn fihom saru diskussjonijiet tal-aħħar qabel illum jivvutaw. B’kollox il-Partit Nazzjonalista għandu total ta’ 10 voti, minn 758 delegat Ewropew bid-dritt tal-vot – b’hekk wieħed jista’ jqis li l-grupp Nazzjonalista għandu ammont konsiderevoli ta’ voti meta mqabbel mal-bqija tal-lista ta’ 49 partit tal-istess familja politika, u assoċjazzjonijiet oħra bid-drittijiet tal-vot f’dan il-Kungress.

Dwar din l-elezzjoni għażla ta’ kandidat f’isem il-PPE għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia diġa’ ħabbar fil-jiem li għaddew li se jkun qiegħed jivvota Manfred Weber biex ikun il-kandidat fuq f’isem il-PPE.

Għal dan il-Kungress importanti għall-futur tal-Unjoni Ewropea, id-delegati Nazzjonalisti bid-dritt tal-vot huma l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut, is-Segretarju Internazzjonali Roslyn Borg Knight, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, u t-tliet MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.

Ftit qabel fetħet il-votazzjoni, iż-żewġ kontestanti – Manfred Weber u Alexander Stubb – taw id-diskorsi rispettivi tagħhom, iżda x’inhi l-viżjoni tagħhom għall-Unjoni Ewropea?

Adrian Delia mal-kandidat Manfred Weber

Manfred Weber:

  • Irid jingħata mandat sabiex ibiddel l-Ewropa, sabiex jinħoloq kapitlu ġdid għall-ħolma Ewropea;
  • Se jaħdem sabiex kull ċittadin Ewropew iħossu sigur fl-Unjoni Ewropea, u żied li l-immigrazzjoni illegali trid tieqaf billi jisaħħu l-fruntieri Ewropej;
  • Qal li jemmen li l-Ewropej jistgħu jkunu l-poplu li jiskopru l-kura tal-marda tal-kanċer, ħolma personali tiegħu li ġiet ispirata wara li tilef lil ħuh kawża tal-istess marda;
  • Irid jipproteġi l-identità Ewropea;
  • Għandu viżjoni li fiha kull persuna tingħata importanza u li jħossu li l-Ewropa hi d-dar tagħhom – filwaqt li tirrispetta l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;
  • Żied li jemmen fiż-żgħażagħ Ewropej;
  • Kategorikament qal li t-Turkija ma tistax tkun stat membru tal-Unjoni Ewropea; u
  • Qal li jrid iżomm Unjoni Ewropea magħquda.
Adrian Delia mal-kandidat Alexander Stubb

Alexander Stubb:

  • Semma’ li jekk jingħata din il-kariga, fil-ħames snin tiegħu se jkun qiegħed iħares u jipproteġi l-valuri Ewropej li ssawwru tul is-snin tal-Unjoni;
  • Stqarr li hu jrid iżomm il-Partit Popolari Ewropew bħala partit favur l-Unjoni Ewropea, partit pożittiv, u wieħed pragmatiku;
  • Fid-diskors tiegħu, qal li hemm bżonn li l-poplu Ewropew jifhem kif mhux kull ħaġa ħażina li seħħ f’pajjiżna hi tot tal-Unjoni Eworpea. Dwar dan qal li hemm wisq mexxejja Ewropej li qegħdin iwaħħlu fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell għall-iżballji li jagħmlu huma stess biex iqarrqu bil-poplu tagħhom;
  • Qal li jemmen f’Unjoni Ewropea magħquda fejn ma jkun hemm differenza bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana u n-Nofsinhar, pajjiżi kbar u żgħar, u persuni reliġjużi jew protestanti;
  • Irid li jżid is-sigurtà fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea; u
  • Fl-aħħar tenna li jrid Unjoni Ewropea innovattiva u moderna, li tkun pijunier fis-settur tat-tekonoloġija.

Ir-riżultat tal-elezzjoni mistenni jkun mħabbar wara li tagħlaq il-votazzjoni, għall-ħabta ta waranofsinhar.

Ara aktar ritratti meħuda minn Roberto Runza fil-laqgħat tal-Kap Adrian Delia u d-delegazzjoni Nazzjonalista maż-żewġ kandidati: