Lokali Unjoni Ewropea

KUNGRESS PPE: Manfred Weber elett bħala kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea

Adrian Delia ma' Manfred Weber
Il-kandidat li sab l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista jiġi elett waqt il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f'Helsinki

Ftit tal-ħin ilu f’Helsinki fil-Fillandja għadu kif tħabbar min se jkun il-kandidat f’isem il-Partit Popolari Ewropew għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea – bil-kandidat rebbieħ ikun Manfred Weber. L-istess kandidat li sab l-appoġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u d-delegazzjoni Nazzjonalista

F’elezzjoni fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, l-akbar familja politika Ewropea li jifforma parti minnha l-Partit Nazzjonalista,  iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew il-Ġermaniż Manfred Weber ġie elett bħala l-persuna li se jkun qiegħed jikkontesta għall-waħda mill-aktar karigi importanti fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Manfred Weber kiseb 79% tal-voti – b’492 vot minn total ta’ 621 voti mitfugħa.

Adrian Delia mal-kandidat Manfred Weber

Fid-diskors tar-rebħa tiegħu, quddiem il-mexxejja Ewropej preżenti għall-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Helsinki, inkluż il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Manfred Weber tenna l-viżjoni tiegħu – dik li jingħata l-mandat biex ibiddel l-Ewropa preżenti u jinħoloq kapitlu ġdid tal-ħolma Ewropea.

Fid-diversi punti elettorali li semma’ matul il-kampanja u matul il-Kungress, semma’ kif se jaħdem sabiex isaħħaħ il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea u jwaqqaf l-immigrazzjoni illegali. Tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa fejn tenna li wara esperjenza personali fejn tilef lil ħuh kawża tal-marda tal-kanċer, hu joħlom f’poplu Ewropew li jsib il-kura għal din il-marda kiefra.

Manfred Weber kategorikament stqarr li jrid jipproteġi l-identita’ Ewropea – u flimkien ma’ dan il-punt rabat li hu għalhekk li t-Turkija ma tistax tkun stat membru fl-Unjoni Ewropea.

Il-kandidat rebbieħ: Manfred Weber

Matul  din il-kampanja, f’dawn l-aħħar xhur, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żamm kuntatt kontinwu ma’ Manfred Weber. Anke l-Erbgħa, lejliet l-elezzjoni għall-għażla tal-kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, id-delegazzjoni Nazzjonalista ltaqgħet f’laqgħa bilaterali miegħu fejn ġew diskussi diversi realtajiet li l-Maltin qegħdin jaffaċċjaw – fosthom il-problemi ta’ immigrazzjoni, sigurta’, u żbilanċ politiku fl-istituzzjonijiet.

Dwar din l-elezzjoni għażla ta’ kandidat f’isem il-PPE għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia diġa’ ħabbar fil-jiem li għaddew li se jkun qiegħed jivvota Manfred Weber biex ikun il-kandidat fuq f’isem il-PPE.

Għal dan il-Kungress importanti għall-futur tal-Unjoni Ewropea, id-delegati Nazzjonalisti bid-dritt tal-vot huma l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut, is-Segretarju Internazzjonali Roslyn Borg Knight, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, u t-tliet MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.