Matul id-diversi laqgħat fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, kien mistieden jiddibatti wkoll l-Eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi f’waħda mis-sessjonijiet ta’ diskussjoni fuq livell Ewropew – b’referenza partikolari dwar il-kollaborazzjoni bejn l-istati membri fid-difiża Ewropea.
Fid-diskors tiegħu, Lawrence Gonzi semma’ kif fl-esperjenza tiegħu bħala Kap tal-Istat, kien hemm diversi drabi fejn il-kollaborazzjoni tal-pajjiżi Ewropej sarrfu f’suċċess. Semma’ episodju partikolari meta il-forzi navali tal-Unjoni Ewropea ħadmu flimkien, anke f’sens ta’ riżorsi umani, fejn kisbu r-riżultati mixtieqa fis-sitwazzjoni kritika mal-kosta tas-Somalja dwar il-piraterija u t-theddida fuq il-bastimenti tal-baħar f’dik iż-żona marittima. Lawrence Gonzi stqarr li dak ix-xenarju ma kienx wieħed faċli għalih, għaliex Malta hi marbuta bil-Kostituzzjoni tagħha, li hi stat newtrali – għaldaqstant qamet il-mistoqsija jekk ikunx illegali li Malta tieħu sehem f’operazzjonijiet bħal dawn. Madanakollu, hu qal li ħa d-deċiżjoni bħala Prim Ministru li fil-koalizzjoni Partnership for Peace, Malta segħtet legalment tipparteċipa – u hekk seħħ, b’differenza għall-operazzjonijiet tan-NATO.
Waqt id-diskussjoni organizzata mill-istitut Wilfried Martens Centre, li jifforma parti mill-friegħi tal-Partit Popolari Ewropew, Lawrence Gonzi ġibed l-attenzjoni li kien hemm sitwazzjonijiet ukoll fejn sabu l-bibien magħluqa mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Fakkar kif meta hu kien Prim Ministru, is-sitwazzjoni fil-Mediterran kienet diġa’ waħda inkwetanti, b’eluf ta’ abbużi u qtil ta’ innoċenti, iżda l-azzjoni biex dawn it-traġedji jiġu kkontrollati ma seħħewx. L-Eks Prim Ministru stqarr li l-Gvern Malti dak iż-żmien kellu diffikultajiet fejn fuq il-karti bejn l-Istati Membri kien hemm min qal li se jikkontribwixxi, iżda fil-prattika naqas. B’ton ta’ diżappunt qal li mhux kull stat li qal li se jaqsam ir-responsabbiltà permezz tal-iskema burden sharing żamm kelmtu. Kien hawnhekk fejn saħaq dwar l-importanza li jsir xogħol koordinat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jiġu indirizzati l-problemi preżenti u anke dawk futuri – fejn enfasizza li waħda minn dawn hi propju l-immigrazzjoni.
Kien hawnhekk fejn appella biex jirbħu l-valuri Ewropej tas-solidarjeta’ u l-għajnuna umanitarja. Lawrence Gonzi tenna li fil-kważi għaxar snin esperjenza tiegħu ta’ Prim Ministru xtaq li kellu aktar għajnuna mill-Unjoni Ewropea biex jindirizza l-problema tal-immigrazzjoni, fejn għamel referenza għas-sitwazzjoni perikoluża li kien hemm fil-Libja. “Li kieku l-Unjoni Ewropea ħadet azzjoni f’waqta dwar il-kwistjoni fil-Mediterran dak iż-żmien, nemmen li llum konna nevadu mix-xenarju preżenti. Minflok illum għandna partiti populisti li qegħdin jieħdu vantaġġ politiku mis-sitwazzjoni, u jiksbu l-fiduċja tan-nies huma”, qal Lawrence Gonzi.
L-Eks Prim Ministru Malti stqarr ukoll li kien hemm żmien fejn l-Unjoni Ewropea kienet tirrikonoxxi s-sitwazzjoni fil-Mediterran bħala prijorità u bdiet taħdem fuqha. Lawrence Gonzi qal li hu jħoss li l-Unjoni Ewropea naqset milli tiffoka fuq is-sitwazzjoni fil-Mediterran, fejn irrimarka li rridu nifhmu s-sitwazzjoni terribbli li hemm fil-Libja – b’attività kriminali li ħadd ma jrid jindirizzha. Żied li din is-sitwazzjoni fil-Libja sfortunatament qegħda tinxtered mal-pajjiżi viċin tagħha, u ġab eżempju kif it-Tuneżija li kien meqjus bħala stat li kiseb suċċess fiż-żona tal-Afrika ta’ fuq illum spiċċa influwenzat ħażin. “Qiegħed inħoss li din il-vulnerabbiltà eżistenti fil-Mediterran m’għadhiex ta’ prijorità bħal ma kienet qabel għall-Unjoni Ewropea”, ikkonkluda Lawrence Gonzi.
Preżenti jisimgħu lill-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien mad-diversi eks Mexxejja Ewropej, kien hemm il-Membri Parlamentari David Casa u Roberta Metsola.
//= $special ?>