Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Teħtieġ azzjoni immedjata wara ċanfira oħra għall-pajjiżna fis-settur finanzjarju – PN

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet twissija serja fil-konfront ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam is-superviżjoni tas-settur bankarju, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam il-ħasil ta’ flus.

Din hija turija ċara li l-ħsara lir-reputazzjoni tas-settur tas-servizz finanzjarju qed iġibha b’idejh il-Gvern Laburista u mhux l-Oppożizzjoni kif regolarment jippruvaw jagħtu x’jifhmu l-Prim Ministru Joseph Muscat u sħabu.

Fl-istqarrija tagħha il-Kummissjoni Ewropea qalet ċar u tond li Malta qed turi nuqqasijiet serji fejn jidħol il-mod ta’ kif issir il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil ta’ flus, il-monitoraġġ, is-superviżjoni, kif ukoll il-ħila, li meta jiġi identifikat xi nuqqas jittieħdu l-proċeduri meħtieġa, inkluż sanzjonijiet.

Dan it-tip ta’ rapport huwa ta’ għajb għall-pajjiżna u ċertament mhux denju ta’ ġurisdizzjoni ta’ kwalità fis-settur tas-servizz finanzjarji.

Din hija kundanna oħra li tiżdied mal-lista twila ta’ episodji li din is-sena biss komplew itappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fis-settur finanzjarju. Fosthom:-

Id-deċiżjoni tal-aġenzija ta’ credit rating Standard & Poor’s tiddikjara li qed tara żieda fir-riskji tar-reputazzjoni u r-riskji fl-operat tas-settur bankarju.

Standard & Poor’s twettqet ukoll downgrade fil-pożizzjoni tal-Bank of Valletta.

Rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea li kkonkluda li l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) kisret id-direttiva dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus.

Rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea li sabet raġunijiet ta’ tħassib notevoli dwar il-prattiċi tal-MFSA fil-qadi ta’ dmirijiet ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni min-naħa tagħha.

It-tneħħija tal-liċenzja tal-bank Pilatus sentejn tard

Is-saga sħiħa tal-bank Satabank

Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jappella lil Gvern sabiex iwarrab l-interessi personali u jieħu azzjoni llum qabel għada u jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex jiżgura li nissalvagwardjaw dan is-settur tant importanti għall-ekonomija u l-jobs ta’ pajjiżna.