Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

AKTAR PROVI: L-iskart qed ikompli jitħallat; il-Gvern sieket

Residenti qed jinnotaw ħafna skart mitluq fit-toroq

Skiet totali mill-Gvern wara l-provi li ppunnlika dan is-sit dwar il-mod kif l-iskart separat xorta qed jispiċċa jitħallat – jekk mhux fit-trakkijiet tal-kolletturi, fis-siti immexxija mill-Wasteserv.

Ritratti ġodda li kiseb Net News juru kif anke f’lokalitajiet fiċ-ċentru tal-pajjiż qed ikompli dan it-taħlit tal-iskart.

Fir-ritratt li qed taraw (fuq) mal-boroż is-suwed tħallat l-iskart tar-riċiklaġġ, fejn hu ċar li f’numru ta’ boroż kien hemm ukoll ammont ta’ jablo u kartun.

“It-tħalit tal-iskart qed isir madwar Malta kollha”, sostna wieħed mill-qarrejja tagħna.

Fl-aħħar sigħat, irċivejna ukoll numru ta’ ritratti li juru x’qed jiġri meta l-iskart jasal fid-destinazzjoni tiegħu – sitwazzjoni li l-ġurnalisti tagħna qed ikomplu jinvestigaw bir-reqqa.

Diversi residenti li kkuntatjaw lil Net News matul din il-ġimgħa qalulna illi fil-lokalitajiet tagħhom qed jinnotaw ħafna skart mitluq fit-toroq. Xi ħaġa li sax-xahar li għadda ma kinitx tiġri. Persuna fuq Facebook kiteb “din ma jdumx ma tinbidel fi problema nazzjonali”, b’referenza għall-ħmieġ eżaġerat li qed naraw madwarna f’postijiet pubbliċi.