Lokali

BirdLife Malta fi Sqallija mal-Legambiente

Il-bidu ta’ serje ta’ żjarat ta’ skambju li jinkludu attivitajiet kulturali, storiċi u marbutin man-natura

Il-Kumitat tal-Attivitajiet ta’ BirdLife Malta qed jingħaqad mal-Legambiente fir-reġjun ta’ Canicattini Bagni fi Sqallija biex jorganizza numru ta’ żjarat ta’ skambju li jinkludu attivitajiet kulturali, storiċi u marbutin man-natura.

Membri tal-grupp u kollegi tagħhom dan l-aħħar għamlu żjara ta’ ġurnata fir-reġjun ta’ Canicattini Bagni. Canicattini Bagni hija muniċipalità fil-Provinċja ta’ Siracusa li tinsab madwar 190km fix-Xlokk ta’ Palermo u madwar 20km fil-Lbiċ ta’ Siracusa.

L-ewwel waqfa kienet fil-Bosco di Mandredonna fejn il-parteċipanti għamlu mixja fin-natura li toffri din il-foresta li hija magħrufa għad-diversità tal-flora tagħha. Tul il-mixja l-membri tal-grupp osservaw varjetà ta’ speċi. Il-ġurnata kienet tinkludi wkoll ħin għall-ġbir tal-faqqiegħ. L-espert ta’ Legambiente l-Prof. Paolino Uccello akkumpanja lill-grupp u fissrilhom dwar it-tipi differenti ta’ faqqiegħ li jikbru fis-selvaġġ u li setgħu jinġabru.

Il-grupp żar ukoll il-Pont ta’ San Alfano mibni fl-1796 – attrazzjoni popolari f’din iz-zona. Wara, il-parteċipanti żaru ċ-ċentru storiku ta’ Canicattini Bagni li hija belt pjuttost żgħira ta’ ftit aktar minn 7,000 abitant. Din il-belt hija mlaqqma bħala l-Belt talLibertà u tal-Mużika u hija magħrufa għall-istorja tagħha, il-kultura u ttradizzjonijiet.

Imbagħad kien imiss żjara lill-Museo del Tessuto, dell’Emigrante e della Medicina Popolare. F’dan il-mużew hemm esebiti ħafna riproduzzjonijiet ta’ djar antiki u workshops li hemm fil-villaġġ, u li jgħinu lill-viżitaturi jiskopru aktar u jifhmu aħjar id-drawwiet u t-tradizzjonijiet tal-inħawi.