GŻIRA U……………………. 0 VALLETTA……………….. 0
Gżira: J. Haber, J. Corbalan, R. Soares, F. Barbosa, S. Borg, R. Briffa, E. Bilbao Zarate, N. Muscat, A. Cohen, H. Garba (J. Pereira da Silva 14’), A. Samb (T. Veronese 35’)
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, R. Camilleri, J. Zerafa, R. Muscat, M. Alba (K. Nwoko 70’), S. Malano, R. Saleh (M. Piciollo 56’), M. Fontanella, B. Kaljevic (J. Caruana 60’)
Imwissija: J. Zerafa 7’, R. Muscat 37’, S. Malano 69’, St. Borg 85’ (V), R. Briffa 43’, T. Veronese 49’, J. Corbalan 55’, Sa. Borg 85’ (G)
Tkeċċa: J. Zerafa 58’ (V)
Referee: Matthew Degabriele
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Paul Apap
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Miguel Alba (Valletta)
Attendenza: 2003
Gżira United irnexxielhom iwaqqfu l-mixja ta’ seba’ rebħiet konsekuttivi ta’ Valletta meta spiċċaw fi draw ta’ 0-0. B’dan ir-riżultat huma baqgħu żewġ punti fuq Valletta iżda jistgħu jintlaħqu minn Hibernians fil-quċċata.
Il-logħba kienet nieqsa mill-azzjonijiet, biż-żewġ timijiet jikkanċellaw lil xulxin, l-aktar Gżira li kellhom atteġġjament ftit aktar difensiv minn Valletta. Il-kowċ ta’ Gżira Darren Abdilla kellu jagħmel żewġ bidliet kmieni wara li weġġgħu ż-żewġ attakkanti Amadou Samb u Haruna Garba, bl-injury ta’ Samb tidher gravi hekk kif ittieħed bl-ambulanza. Iżda għalkemm lagħbu għal nofs siegħa b’superjorità numerika, naqsu li jitfgħu l-pressjoni neċessarja fuq Valletta.
L-ewwel tentattiv indirizzat għal-lasta wasal fit-13-il minuta meta Bojan Kaljevic prova b’xutt fil-baxx li kien salvat mingħajr problemi minn Justin Haber. Ħames minuti wara Miguel Alba prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda barra.
L-uniku periklu ta’ Gżira fl-ewwel taqsima kien free-kick ta’ Roderick Briffa fil-35 minuta li spiċċa ftit għoli. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Mario Fontanella prova b’daqqa ta’ ras li spiċċat fuq il-lasta.
Valletta baqgħu l-aktar tim fuq l-offensiva u fit-48 minuta Santiago Malano prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda barra. Ħames minuti wara, Alba krossja mil-lemin lejn Mario Fontanella iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet salvata minn Haber.
Il-partita ħadet żvolta fit-58 minuta meta r-referee Matthew Degabriele wera t-tieni karta safra lil Joseph Zerafa għal fawl fuq Roderick Briffa, biex b’hekk Valletta kellhom jilagħbu bi plejer anqas għal nofs siegħa.
L-aħjar ċans tal-logħba wasal għal Valletta proprju minuta wara, bis-sostitut Matteo Piciollo jaqleb il-logħob lejn Miguel Alba li kkontrolla fuq in-naħa leminija u xxuttja fil-baxx, iżda Justin Haber kien attent biex dawwar f’korner bi bravura.
Minkejja s-superjorità numerika, Gżira żammew l-istess pożizzjonament tat-tim u kien biss fis-67 minuta li heddew il-lasta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Andrew Cohen li niżel fuq il-lasta.
Fl-aħħar mumenti, iż-żewġ kowċis kienu attenti li ma jiżbilanċjawx lit-tim biex jippruvaw jirbħu u jispiċċaw isofru gowl, bil-logħba tibqa’ tattikament magħluqa bl-ebda periklu għaż-żewġ gowlkipers. Minkejja li r-riżultat baqa’ ma nfetaħx, iż-żewġ settijiet ta’ plejers xorta ħarġu fost l-applaws tal-partitarji tagħhom.
//= $special ?>