Lokali

Il-Prim Ministru jipprova jiskuża l-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ipprova jiskuża l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea għal darb’oħra qed tixgħel il-bozza l-ħamra u ddoqq l-allarm għall-Gvern Malti – din id-darba, allarm rigward is-superviżjoni li suppost jagħmel pajjiżna kontra l-ħasil tal-flus.

Il-Kummissjoni qed tinsisti li Malta naqset milli tissorvelja l-istituzzjonijiet finanzjarji ibbażati f’pajjiżna, sabiex tassigura li huma konformi mar-regoli.

Dan l-allert wasal f’perjodu delikat ħafna meta f’Malta għaddejja kontroversja sħiħs rigward il-liċenzja tal-Bank  Pilatus, li ġiet irtirata tmien xhur wara l-arrest tas-sid tiegħu, u l-kwistjoni pendenti tas-Satabank.

Dwar din tal-aħħar, il-GRTU ħadet inizjattiva li tlaqqa’ lil numru ta’ klijenti u businesses li ġew direttament milquta.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li din is-sitwazzjoni hi gravi ħafna, qed tkompli ittappan ir-reputazzjoni tal-Malta, b’persuni innoċenti li qed isofru u li l-klima attwali qed tbiegħed l-investiment.

Iżda minkejja dan, il-Prim Ministru Joseph Muscat ipprova jiġġustifika dan kollu billi nnota li pajjiżna mhux wahdu li qieghed taht din is-shaba sewda.

“Il-Kummissjoni Ewropea talbet biex isir iktar xogħol. Iktar importanti minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea qalet li ħadet passi u ħabbret li se jiġu investigati pajjiżi oħra,” iddikjara l-Prim Ministru.

Il-GRTU kellha wkoll kritika lill-awtoritajiet dwar il-kwistjoni tas-Satabank, hekk kif innutat li l-klijenti jinsabu fl-għama tant li spiċċaw jitolbu l-għajnuna tagħha minflok tal-awtoritajiet kompetenti.