Lokali

Jieħu art tal-Knisja b’mod abbużiv

Art tal-Knisja ittieħdet mill-Gvern b’mod abbużiv biex jibni triq li tagħti aċċess għall-iskola l-ġdida ta’ Marsaskala.

Fi protest ġudizzjarju, il-Knisja qalet li minbarra t-teħid b’mod abbużiv ta’ medda ta’ art madwar 500 metru kwadru, il-kuntrattur skava ammont kbir ta’ materjal u tefgħu fuq art agrikola.

Hu stmat li l-ħidma biex l-art agrikola titnaddaf mir-radam hi ta’ madwar €25,000.

Minkejja diversi twissijiet biex jieqfu, ix-xogħolijiet baqgħu għaddejjin.

Il-Protest ġudizzjarju tressaq mid-Delegat tal-Arċisqof għall-propjeta’ tal-Knisja Michelle Tabone fil-konfront tal-Ministru tat-Trasport Ian Borg, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, Transport Malta, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u l-kuntrattur tax-xogħolijiet, Penza Construction.

Minbarra l-protes ġudizzjarju, sar ukoll rapport lill-pulizija sabiex tinvestiga l-każ.

Il-Protest kien iffirmat mill-Avukat Dominic Cassar.

Il-bini fuq l-iskola ta’ Marsaskala ilu għaddej mill-2015 u issa ilha iktar minn sena tard hekk kif l-iskola, suppost kellha tilqa’ l-ewwel studenti fil-bidu tas-sena skolastika li għaddiet.