L-awtoritajiet fi Vjenna żvelaw ‘il-ħsieb’ li eks-uffiċjal ewlieni – kurunell — fil-militar Awstrijak kien dam għexieren ta’ snin iservi bħala spjun għar-Russja.
Il-każ, intant, kompla jżid mad-diversi każi ta’ spjunaġġ marbutin mar-Russi, bil-potenzjal li jgħarraq ir-relazzjonijiet ta’ Moska mal-Awstrija, li hi meqjusa bħala l-akbar alleata tar-Russi minn fost l-Istati tal-Unjoni Ewropea.
L-Awstrija kienet fost il-minoranza ta’ pajjiżi tal-UE li ma keċċew l-ebda diplomati Russi fost il-kriżi li nqalgħet wara l-eks-spjun Russu, Sergei Skripal, u bintu, spiċċaw ivvelenati fir-Renju Unit. Il-Britanniċi kienu waħħlu direttament fir-Russja ‘għall-attakk fuq Skripal’ waqt li Moska kompliet tiċħad li kellha x’taqsam mal-każ.
Il-Kanċillier tal-Awstrija, Sebastian Kurz – konservattiv li qed jiggverna f’koalizzjoni mal-Partit tal-Ħelsien estremista tal-lemin ( u favur ir-Russja) – kien qal li d-deċiżjoni biex l-Awstrija ma tiħux passi fil-każ ‘Skripal’ żammet ‘mal-linja tan-newtralità ta’ pajjiżu kif ukoll mat-tradizzjoni tal-Awstrija li żżomm ir-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi fuq iż-żewġ naħat taz-zona fejn darba kienet teżisti l-eks-Purtiera tal-Ħadid’.
Madankollu, Kurz, illum, addotta retorika aktar ħarxa fost dikjarazzjoni li ‘pajjiżu jemmen li l-Kurunell inkwistjoni ( li rtira mis-servizz riċentement) kien dam jispjuna għall-interessi tar-Russja mis-snin disgħin sa din is-sena proprja’.
Il-Kanċillier Awstrijak tenna, waqt li kien qed jiltaqa’ mal-ġurnalisti, li jekk dan is-suspett ikun ikkonfermat, il-każ u każi oħrajn simili m’għandhomx itejjbu r-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea.
Dan meta Sebastian Kurz naqas milli jsemmi lis-suspettat, bil-każ issa jgħaddi f’idejn il-prosekuturi Awstrijaċi, fost rapporti li l-eks-kurunell ‘spiċċa suġġett għal interrogazzjoni’.
Il-Ministru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin, Karin Kneissel, ħassret żjara li kienet qed tippjana biex tagħmel f’Moska minħabba din is-sitwazzjoni delikata. Sadattant, Kneissel bagħtet għaċ-Charge d’Affaires Russu fi Vjenna biex tiddiskuti l-iżviluppi minħabba li l-Ambaxxatur Russu għall-Awstrija kien barra l-pajjiż.
Il-Kanċillier Kurz, fil-preżent, ‘qed jinsisti għal informazzjoni trasparenti min-naħa tar-Russja’ waqt li l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, għamilha ċara li ‘jinsab sorpriż u mhux b’mod sabiħ’ dwar ‘l-allegazzjonijiet minn Vjenna.’
Lavrov, fl-istess ħin, insista li l-awtoritajiet f’Moska ‘ma jafu xejn’ dwar uffiċjal irtirat li dam is-snin jispjuna għar-Russja.
//= $special ?>

