Lokali

Muscat mhux se jieħu passi dwar 17 Black

Jgħid li se jistenna r-riżultat tal-inkjesti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, għal darb’oħra, mhux se jieħu passi fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Dan minkejja li fis-siegħat li għaddew, ġie żvelat li s-sid tal-kumpannija 17 Black hu direttur fil-konsorzju Electrogas li ntgħażel biex jibni u jħaddem il-power station ta’ Delimara.

Fl-ewwel kummenti wara li sar magħruf ta’ min hi 17 Black, Muscat qal li hu se jistenna r-riżultat tal-inkjesti li għaddejjin fil-Qrati qabel ma’ jieħu deċiżjoni.

Iktar kmieni llum, l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters u l-ġurnal Times of Malta żvelaw li s-sid ta’ 17 Black hu Yorgen Fenech, Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group li jagħmel parti mill-konsorzju Electrogas.  Minn korrispondenza li ġiet żvelata fix-xhur li għaddew, 17 Black kellha tgħaddi pagamenti ta’ €150,000 fix-xahar lill-kumpaniji Hearnville u Tillgate – kumpaniji sigrieti fil-Panama li kienu ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament.

Fi kliem ieħor, Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirċievu pagamenti ta’ €150,000 fix-xahar kull wieħed, minn kumpanija, li issa sar magħruf li hi ta’ wieħed mill-operaturi tal-power station ta’ Delimara.