Lokali

Ottubru – l-iktar xahar bil-maltemp mill-1951

B’iktar minn 10 sigħat ta’ xemx u temperatura massima ta’ 27.4˚C, li t-tnejn intlaħqu fl-ewwel jum tax-xahar ta’ Ottubru, ħafna ħasbu li l-kundizzjonijiet tat-temp għal Ottubru ma kinux se jkunu severi. Però x-xahar kien fil-fatt l-aktar wieħed tempestuż mill-1951.

It-temperaturi tal-arja ta’ Ottubru varjaw bejn 27.4˚C u 13.8˚C, li nlaħqet fl-aħħar jum tax-xahar. Filwaqt li l-ewwel jum tax-xahar kien l-aktar wieħed xemxi, it-tieni jum kien l-aktar wieħed imxarrab u pjuttost anqas imdawwal b’4.4 sigħat ta’ xemx imkejlin. Fit-tieni jum ta’ Ottubru niżlu 43.8 mm ta’ xita – jiġifieri madwar 23% tax-xita totali ta’ Ottubru – riżultat ta’ pressjoni baxxa fuq Corsica li mbagħad imxiet lejn in-Nofsinhar.

Il-189.0 mm ta’ xita li nġabru x-xahar li għadda kienu ħafna aktar mit-total mistenni
normalment f’dan iż-żmien tas-sena. F’nofs il-maltemp kollu kien hemm ukoll raġġi ta’ dawl, bix-xemx toħroġ għal total ta’ 187.7 sigħat tul ix-xahar ta’ Ottubru. Id-data meteorologika turi li kienu biss tlitt ijien f’Ottubru – li fihom ix-xemx ma ħarġet xejn.

Il-veloċità tar-riħ għal Ottubru kienet 0.6 knots ogħla min-norma. L-aktar jum bir-riħ kien il-21 ta’ Ottubru, fejn tkejlet buffura riħ ta’ 37.5 knots li kienet qed tonfoħ mit-Tramuntana kwarta Grigal.