Lokali

Paqpaqli: ebda flus ma ħarġu mill-MCCF

Ebda flus li nġabru fl-attivitajiet b’risq il-Malta Community Chest Fund m’huma se jintużaw fil-kumpens għall-vittmi tal-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina.

Sostniet dan il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt intervista fuq il-programm 10Q li jixxandar fuq Net Television.

Il-gimgħa li għaddiet, sar magħruf li 11 mill-vittmi li kienu weġġgħu fl-inċident tal-2015 laħqu qbil għal kumpens. B’riżultat ta’ dan, dawn il-persuni waqqgħu il-kawża ċivili li kellhom għall-kumpens.

Dan il-ftehim pero, ma jaffetwax il-proċeduri kriminali li għadhom għaddejjin b’mod indipendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Il-President tkellmet ukoll dwar diversi forom ta’ faqar li magħhom qed iħabbat wiċċu l-poplu u li dwarhom jirrikorri għand il-Malta Community Chest Fund.

Meta kienet mistoqsija, il-President ikkonfermat ukoll li f’dawn l-aħħar snin, kien żieda ta’ talbiet għall-għajnuna minn persuni li mhux qed ilaħħqu mal-kirjiet.

Il-President qalet ukoll li hemm diversi forom ta’ faqar, bħal meta persuna tintlaqat minn marda, nies bi problemi ta’ saħħa mentali li ma jippermettux li jkollhom impjieg jew tkissir ta’ żwiġijiet fejn koppji li jisseparaw ikollhom jerġgħu jibdew mill-bidu.