Internazzjonali

Persuna mejta u tnejn feruti f’Melbourne

Ritratt: Dailymail

L-awtoritajiet tal-Awstralja qed jinvestigaw attakk terroristiku li seħħ sigħat ilu fil-qalba ta’ Melbourne u twettaq minn raġel ta’ nisel Somalu li spiċċa maqtul mill-pulizija.

L-aggressur li kien armat b’sikkina u li attakka diversi nies fl-inħawi ta’ Bourke Street, baqa’ jisfida lill-pulizija sal-punt fejn huma kellhom jisparaw għal fuqu. Hu miet l-isptar kawża tal-ġrieħi li ġarrab waqt li żewġ irġiel oħra li sfaw feruti minnu kellhom jiddaħħlu l-isptar fejn ma nstabux fil-periklu li jitilfu ħajjithom. Madankollu, raġel anzjan li wkoll kien spiċċa fil-mira tal-aggressur miet fuq il-post wara li qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina.

Is-suspettat ma ssemmiex b’ismu, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li huma kienu qed iqisu l-każ bħala wieħed terroristiku, Ingħad ukoll li r-raġel armat kien magħruf mal-pulizija lokali kif ukoll mal-membri tas-servizzi sigrieti federali.

Sadanittant, kien irrappurtat li l-grupp ISIS ipprova jassumi responsabbiltà għall-attakk bi stqarrija li l-protagonista f’Melbourne kien wieħed mill-ġellieda tiegħu.

Il-pulizija li wieġbu għall-emerġenza qrib Bourke Street kienu sabu vettura qed taqbad u li kienet mimlija biċ-ċilindri tal-gass. Dan ftit wara li l-vettura kienet baqgħet dieħla għal ġo faċċata ta’ ħanut fejn ħadet in-nar, biċ-ċilindri ma jisploduwx.