Internazzjonali

Regola ġdida tiċħad il-kenn politiku għal immigranti illegali fl-Istati Uniti

Il-Gvern tal-President Amerikan, Donald Trump, iddikjara li l-immigranti li jaqsmu illegalment mill-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti mhumiex se jibqgħu eliġibbli għall-kenn politiku.

Dan qed isir permezz ta’ regola ġdida li tiċħad kenn politiku lil kulmin ‘jabbuża’ kwalunkwe limitu impost mill-Presidenza għad-dħul fl-Istati Uniti.

Fil-fatt, stqarrija partikulari qalet li l-President Amerikan jista’ jwaqqaf l-immigrazzjoni ‘fl-interess nazzjonali’. Madankollu, il-miżura ġdida qanqlet reazzjoni min-naħa tal-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem li qegħdin jirreferu għaliha bħala waħda ‘illegali’.

Qabel l-elezzjonijiet tal-Mid-term li saru ftit jiem ilu fl-Istati Uniti, il-President Trump kien qed jikkundanna l-mewġa – magħrufa bħala ‘caravan’ – ta’ eluf ta’ nies mill-Amerika Ċentrali li qed jaqsmu mill-Messiku bil-għan li jsibu ħajja ġdida fl-Istati Uniti.

F’din is-sitwazzjoni, Trump bagħat lit-truppi lejn il-fruntiera waqt li ddikjara l-movimenti tal-immigranti bħala ‘invażjoni’. Il-President Amerikan anki ssuġġerixxa li ‘il-caravan’ għandu motivazzjoni politika, iżda mingħajr ma pproduċa l-provi li jissostanzjaw l-akkuża.

Fl-istqarrija li ntroduċiet il-miżura ġdida ingħad li ‘il-Presidenti tal-Istati Uniti għandhom il-poter biex jissospendu d-dħul ta’ barranin f’pajjiżhom, waqt li jimponu r-restrizzjonijiet xierqa fejn ikun meqjus li l-influss ta’ ċerti barranin hu ‘detrimentali’ għall-interessi tal-Amerikani taħt l-Att għall-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità.’