Investigazzjoni li saret minn Reuters u mit-Times żvelat illi l-kumpanija sigrieta 17 Black tappartjeni lil wieħed mid-diretturi tal-power station il-ġdida tal-gass. Jidher illi din l-informazzjoni ħarġet bħala parti minn investigazzjoni kriminali li kienet għaddejja lokalment.
Il-media żvelat l-isem ta’ Yorgen Fenech bħala s-sid ta’ 17 Black f’Dubaj. Fenech hu direttur tal-konsorzju Electrogas, li jmexxi l-power station il-ġdida f’Dellimara.
Fl-2016, il-kumpanija 17 Black kienet identifikata bħala waħda mis-sorsi ta’ flus li kellhom jgħaddu għand Hearnville u Tillgate; il-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Kieth Schembri. Dan il-fatt kien konfermat permezz ta’ emails illi kienu ġew żvelati numru ta’ xhur ilu.
Fil-fatt, kien f’April ta’ din is-sena meta ġurnalisti internazzjonali ppubblikaw korrispondenza ta’ email ma’ Mossack Fonseca, li jindikaw li 17 Black kienet se tgħaddi €150,000 kull xahar għal Konrad Mizzi u €150,000 oħra kull xahar għal Keith Schembri.
Xahar wara, f’Mejju, il-Qorti Maltija kienet iddikjarat li l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus permezz tal-kumpanija 17 Black għandhom jiġu investigati permezz ta’ inkjesta.
Intant, mistoqsi mit-Times biex jgħid jekk 17 Black hix tiegħu jew le, Fenech għażel li ma jikkummentax. U insista li la hu u lanqas il-kumpaniji li jmexxi qatt ma kienu involuti f’attivitajiet illeciti.
//= $special ?>