Sport Sport Ieħor

Sbatax-il ġlieda għas-serata tal-Gladiators Malta v Renju Unit

(Ritratt: Martin Agius)

Fil-21 edizzjoni tal-Gladiators’ Fight Night li se se ssir għada, hemm skedati xejn inqas minn 17-il ġlieda lokali u internazzjonali.

F’konferenza stampa fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, l-organizzaturi Noel Mercieca u Niclas Elfstedt ħabbru kif it-tema ta’ din l-edizzjoni se tkun Malta kontra r-Renju Unit, bl-aqwa atleti Maltin tal-kickboxing u l-K1 li se jikkompetu kontra avversarji ta’ livell għoli mir-Renju Unit.

Il-ġlidiet ewlenin ta’ din is-serata se jinkludu liċ-Champion Ewropew tal-WKN Keith Azzopardi, li se jiġġieled kontra Andy Turland mir-Renju Unit. Stennija partikolari wkoll għal ġlieda tal-atleta ta’ Champion Ewropew ieħor; Christopher Rotin, li se jiffaċċja lill-atleta Ingliż Che Orriss.

Ġlieda lokali ta’ livell professjonali se tkun dik bejn l-atleta Milos Anic minn Team Jalen u Samuele Andolina minn Team Noel. L-atleti Maltin li se jiġġieldu f’din l-edizzjoni tal-Gladiators jitħarrġu f’erba’ klabbs differenti; Ying Yang – Team Noel, Malta Thai Boxing, Team Jalen, Team Zahra u Fort Fitness.

L-organizzaturi, li huma wkoll kowċ u atleta f’dan l-isport, ħeġġew lill-pubbliku jagħti l-appoġġ tiegħu lill-atleti billi jattendi għal din is-serata li se ssir għada mis-7.00pm ‘l quddiem, fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Il-biljetti jinkisbu minn Team Noel – Ying Yang Club fil-Fgura jew Malta Thai Boxing fil-Gżira. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook ta’ Gladiators Promotions jew jikkuntattja lill-organizzaturi Nicklas Elfstedt (79500160) u Noel Mercieca (79208283).