Nirien fl-Istati Uniti li ħakmu qalb foresta u li avvanzaw f’qasir żmien tul medda ta’ territorju qerdu, fil-parti kbira, il-belt ta’ Paradise fost xeni devastanti oħra f’zona magħrufa bħala s-Sierra Foothills, fin-naħa ta’ fuq ta’ Kalifornja.
L-hekk imsejjaħ Camp Fire, li kien ilu jaqbad mill-Ħamis, qed ikun xprunat mill-irwiefen u kundizzjonijiet ta’ nixfa, bl-uffiċjali jgħidu li residenti ta’ Paradise spiċċaw ‘iżolati’ b’kaġun tal-fjammi.
Intant, eluf ta’ nies fir-reġjun kienu evakwati minn djar, skejjel u sptarijiet taz-zona u waqt li kien hemm rapporti mhumiex ikkonfermati ta’ ‘vittmi’ jistgħu jgħaddu l-jiem sakemm dan ikun ikkonfermat mis-sorsi uffiċjali.
Kelliema għall-awtoritajiet f’Paradise qalu li ‘il-belt spiċċat u ma fadal xejn wieqaf’. Dan wara li nar partikulari ‘kiber u żied fil-feroċità fi kwistjoni ta’ sigħat’, fost sitwazzjonijiet fejn in-nies abbandunaw il-vetturi u ġrew ’il hinn mill-periklu.
Kien hemm ukoll tieni wildfire li qered ħafna art, bid-direttivi għall-evakwazzjoni jibqgħu effettivi għal madwar ta’ Paradise, kif ukoll għaz-zoni ta’ Magalia, Concow, Butte Creek Canyon u Butte Valley.
L-aħħar rapporti rriferew għall-iskwadri tal-emerġenza li kienu qed jistinkaw biex isalvaw residenti minn ‘sitwazzjonijiet diffiċli’. Dan waqt li eluf ta’ residenti spiċċaw mingħajr provvista ta’ dawl fir-reġjun li jinsab lejn it-Tramuntana ta’ Sacramento.
//= $special ?>

