L-istorja ppubblikata din il-ġimgħa minn dan is-sit dwar is-sitwazzjoni ta’ periklu li jinsab fiha Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara ħolqot paniku sħiħ fil-Kunsill Laburista tal-lokal, b’diversi persuni jippuntaw swaba lejn xulxin – u donnu kulħadd iwaħħal fl-ieħor.
Ir-rabja tar-residenti hi ġustifikata minħabba l-fatt li issa għaddew sena u nofs mindu l-Awtorità tal-Ippjanar allokat fondi għar-rinovar ta’ Ġnien l-Istazzjon. Minkejja dan, partijiet minnu għadhom abbandunati u ta’ periklu.
Ritratti li nġibdu l-Erbgħa fil-11am urew biċ-ċar kif fil-post ma kien hemm l-ebda ħaddiema jaħdmu fuq dan il-proġett. Tant illi nies mill-Kunsill mal-ewwel tniggżu mir-rapport tagħna u provaw “isibu l-ħati”. Sorsi qalulna li f’korrispondenza li għaddiet, saħansitra ġie kwotat il-ħin eżatt meta marru fil-post il-cameras tagħna.
Net News jinsab infurmat li mal-lejl, il-ġnien qed ikun użat għal abbużi, fost l-oħrajn ta’ droga u alkoħol, tant li anke filgħodu stajna naraw żgħażagħ imdawra bl-alkoħol, xi ħaġa li hi projbita fil-ġonna pubbliċi.
Dan minbarra każi ta’ persuni jorqdu fil-ġnien u saħansitra serq, tant li riċentament seħħ każ ta’ serq tal-materjal li suppost jintuża fil-proġett, inkluż madum.
//= $special ?>