Lokali Turiżmu

Taqlib fl-istrutturi tal-Air Malta

L-Air Malta qalet li bħalissa għaddejja medjazzjoni mal-ALPA

Tkompli l-botta u risposta bejn il-linja nazzjonali tal-ajru u l-ALPA, hekk kif l-Air Malta qed tibqa’ takkuża lill-bdoti li huma mhumiex flessibbli.

Fi stqarrija, l-Air Malta sostniet li t-tħarbit fl-iskeda tat-titjiriet li kien hemm din il-ġimgħa seħħet minħabba d-direttivi tal-ALPA lill-membri taghha biex ma jtajrux l-ajruplani f’ċerti ċirkustanzi. U agħar minn hekk, l-ALPA qed tkun akkużata li qed tpoġġi pressjoni fuq il-piloti biex ma jikkoperawx.

Interessanti l-fatt kif f’din l-istqarrija, il-linja nazzjonali tal-ajru tiżvela li bhħlissa għaddejja b’taqlib fl-istrutturi tagħha – xi ħaġa li dwarha ma ngħatawx dettalji. Intqal biss li dan hu eżerċizzju ta’ ri-organizzazzjoni.

L-Air Malta qalet li bħalissa għaddejja medjazzjoni mal-ALPA.

Kien fil-bidu tal-ġimgħa meta passiġġieri tal-Air Malta inqabdu f’Moska wara li t-titjira KM 561, dik li suppost kellha titlaq fis-6.30 ta’ filgħodu, ittardjat għal numru ta’ sigħat. Dan apparti l-ispejjeż kbar li daħlet fihom il-kumpanija biex kriet ajruplan bl-ekwipaġġ b’kollox, mil-lum ghal-lum.