Lokali

Aktar persuni vulnerabbli jbatu l-għoljiet tal-kiri

Anzjan ta’ 61 sena, li sa erba’ snin ilu kien iħallas €300 fix-xahar għal dar fil-Gudja, illum jinsab iddisprat wara li ġie infurmat li issa se jibda jħala €1600 fix-xahar għall-kirja.

L-anzjan, li ilu jgħix fl-istess dar aktar minn 12-il sena, kien ilu tmien snin iħallas €300 fix-xahar, sakemm erba’ snin ilu s-sid għarrfu li l-kera kienet se togħla għal €450.

Is-sena li għaddiet din reġgħet għoliet, għal €800, u minkejja li kellu diffikultà b’din iż-żieda, l-anzjan xtaq jibqa’ jgħix hemm u għalhekk aċċetta li jħallas dan il-prezz.

Iżda dalgħodu, l-anzjan ġie mgħarraf li l-kera issa se titla’ għal €1,600 fix-xahar, bir-riżultat li dan m’għandux triq oħra ħlief li joħroġ mid-dar li ilu jgħix fiha għall-aħħar 12-il sena.

L-istorja tal-anzjan mhix waħda unika, b’ħafna għadhom qed jgħixu f’residenzi mikrija u qed jiffaċċjaw din il-problema għax is-sidien qed jgħollu l-kirjiet tagħhom.

Minkejja li l-Gvern qed jgħid li l-White Paper il-ġdida dwar il-Kiri qed tindirizza din il-problema, fir-realtà ma tindirizza bl-ebda mod il-problemi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli u li jgħixu fi djar mikrija.

Lanqas il-Budget 2019 ma joffri xi soluzzjoni għal din il-problema għax fis-seba’ Budget tiegħu, il-Gvern Laburista naqas milli jagħti xi forma ta’ għajnuna għalmin qed jgħix f’din is-sitwazzjoni, li kulma tmur qed tkompli tikber.