Lokali

‘Belt il-Bniedem’ – Opra li titratta l-istorja tal-Assedju l-Kbir

F’nofs il-ġimgħa d-dieħla se tittella’ l-opra bl-isem ‘Belt il-Bniedem’. Opra li titratta l-istorja tal-Assedju l-Kbir tal-1565.

L-istorja ta’ din l-opra sseħħ waqt l-Assedju l-kbir tal-1565. Barra li titratta dan il-perjodu iebes fl-istorja ta’ pajjiżna, tipproġetta wkoll kif problemi u kwistjonijiet socjali ta’ dak iż-żmien għadhom jgħoddu sal-lum.

L-istorja titratta tfajla Maltija u skjav Tork li kien inxtara meta kien għadu tifel żgħir li spiċċaw trabbew flimkien. Però meta kibru u faqqa’ l-Assedju bdew jitqajmu ċerti mistoqsijiet li issa dawn jistgħu jkunu għedewwa ta’ xulxin peress li kienu ta’ reliġjon differenti.

Il-ħsibijiet li joriġinaw minn dan il-perjodu tal-Assedju l-Kbir huwa applikabbli wkoll għall-ħajja tal-lum. Bħal sfortunatament il-klaxx bejn iż-żewġ reliġjonijiet kbar tad-dinja, l-Insara u l-Musulmani, li għadu għaddej sal-lum.

Titratta wkoll l-assedju fuq il-liberta umani, l-iskjavitu. Illum il-ġurnata għandna skjavi għal-konsumeriżmu, skjavi għall-informatika. Għalhekk l-idea taċ-ċiklu hi li wieħed jaqbad il-wirt Malti, jagħtih estensjoni artistika biex b’hekk ikompli jinħolqu iktar xogħlijiet artistiċi bil-Malti. B’hekk jitwassal messaġġ li l-istorja mhux biss għandna napprezzawha iżda rridu nigħallmu minnha.

B’sett kontemporanju u kostuni tal-perjodu tal-Assedju l-Kbir, il-mużika se tkun esegwita mill-Malta Philharmonic Orchestra, filwaqt li se jieħu sehem il-kor tat-tfal Malta School of Music Young Singers. Apparti dawn se jkun hemm ukoll l-involviment ta’ madwar 250 artist u artista, fosthom soprani u tenuri.

L-opra ‘Belt il-Bniedem’ se tittella’ l-Erbgħa 14 ta’ Novembru fit-8 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.