Lokali

Caritas Malta – “Il-ġid li tagħmel b’risq persuni fil-bżonn ħadd ma jista’ jkejlu”

Ilbieraħ filgħaxija ġiet iċċelebrata quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Din tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet u inizjattivi li Caritas Malta se tkun qed tagħmel matul is-sena f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tagħha. Caritas Malta twaqqfet fil-11 ta’ Novembru tal-1968 u minn dakinhar sal-lum il-ħidma tagħha biex isservi lis-soċjetà Maltija, ma waqfitx.

Il-quddies saret b’ringrazzjament għal vjaġġ ta’ 50 sena li għamlet f’pajjiżna Caritas Malta. Fondazzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika li l-ġid li tagħmel b’risq persuni fil-bżonn ħadd ma jista’ jkejlu.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof irringrazzja lil Alla ta’ kemm f’dawn il-50 sena, bi flessibbiltà, bi profezija kbira u b’sens ta’ umiltà, Caritas Malta adattat għall-ħtiġijiet u l-faqar ġdid li nħabbtu wiċċna miegħu. L-Arċisqof qal li “b’onestà u b’umiltà rridu nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex inkejlu s-suċċess billi npoġġu prezz fuq kull ħaġa u kull persuna”.

Meta indirizza liż-żgħażagħ li għaddew mill-esperjenza tal-Caritas jew li qegħdin fiha, l-Arċisqof qal li jafu li la huma numru u wisq inqas prezz. L-Arċisqof Scicluna rringrazzja lill-Istat Malti u lill-gvernijiet kolha f’dawn l-aħħar 50 sena, talli dejjem sostnew u emmnu fil-ħidma ta’ Caritas Malta.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann kien hemm preżenti l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-President Marie-Louise Coleiro Preca, rappreżentanti ta’ awtoritajiet ċivili, persuni li qed isegwu l-programmi tal-Caritas u għadd kbir ta’ ħaddiema u voluntiera tal-Caritas.