Lokali

Future Leaders: Insawru l-mexxejja ta’ għada

Jibda l-ewwel programm ta' formazzjoni politika għaż-żgħażagħ

“Il-Partit Nazzjonalista fetaħ il-bibien għal parteċipazzjoni aktar wiesgħa taż-żgħażagħ u għalhekk qed jagħti liż-żgħażagħ it-taħriġ u l-ispazju sabiex jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet politiċi tal-pajjiż.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli meta lbieraħ nieda l-programm ta’ formazzjoni politika għaż-żgħażagħ Future Leaders.

Future Leaders huwa programm ta’ taħriġ u żvilupp għaż-żgħażagħ li għandhom bejn l-14 u l-24 sena, u li għandhom aspirazzjoni li jidħlu għall-ħajja politika. Dan il-programm qed isir flimkien mal-AŻAD, mal-Fondazzjoni Konrad Adenauer u bis-sehem ta’ politiċi b’esperjenza u esperti oħrajn f’dan il-qasam.

Dan il-programm se jkun qed jinkludi sessjonijiet dwar il-fehmiet bażiċi tal-Partit Nazzjonalista b’kuntrast ma’ twemmin ieħor, il-politika bħala servizz, sessjonijiet interattivi dwar temi politiċi, kif tidher u titkellem fil-pubbliku b’kunfidenza u tiddibatti, kif tagħmel kampanja politika, kummentarju u analiżi politika. Se jkun hemm ukoll sessjonijiet dwar kif taħdem il-midja, l-użu tal-mezzi soċjali fil-politika u kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Future Leaders se jkun qed jinkludi wkoll workshops li jidħlu aktar fid-dettall.

Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fiż-żgħażagħ għaliex huma l-futur tal-pajjiż u jistgħu jagħmlu d-differenza permezz tal-enerġija tagħhom. Huwa għalhekk li Future Leaders huwa wieħed minn diversi inizjattivi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Partit Nazzjonalista.

Permezz ta’ Future Leaders, dawk li se jipparteċipaw f’dan il-programm se jingħataw l-opportunità ta’ shadowing uffiċjali u politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u ħidma prattika fi ħdan l-organi tal-partit. Kif ukoll esperjenzi li jagħtu lill-parteċipanti idea ġenerali ta’ xi tfisser il-ħidma politika. Għal dan il-programm qed jipparteċipaw aktar minn 60 żagħżugħ u żagħżugħa.