Formula 1 Sport

Hamilton se jibda fuq quddiem fil-Grand Prix tal-Brażil

(Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton rebaħ id-dwell ma’ Sebastian Vettel hekk kif għamel l-aħjar ħin fil-provi uffiċjali, biex se jibda l-Grand Prix tal-Brażil fuq quddiem. Din kienet il-100 pole position għal Mercedes.

Matul is-sessjoni, iż-żewġ sewwieqa kienu involuti f’inċidenti kontroversjali. Vettel kien investigat mill-istewards fit-tieni fażi tal-kwalifiki meta kien akkużat li injora l-istruzzjonijiet u kiser il-piżijiet li jiżnu lill-karozzi. Iżda s-sewwieq tal-Ferrari evita penalità u ngħata multa u twissija.

Fl-istess sessjoni, Hamilton kważi laqat lil Sergey Sirotkin meta s-sewwieq ta’ Williams kellu jdawwar il-karozza barra ċ-ċirkwit. Iżda f’din l-okkażjoni l-istewards ma fetħux investigazzjoni minħabba li t-tnejn ma kinux qed jagħmlu l-ħin.

Fit-tielet u l-aħħar fażi tal-kwalifiki, Hamilton għeleb lil Vettel b’distakk minimu ta’ 0.093 sekonda. Valtteri Bottas temm it-tielet fuq it-tieni karozza Mercedes, b’Kimi Raikkonen jagħmel ir-raba’ l-aħjar ħin biex b’hekk hu mistenni li jkompli d-dwell bejn iż-żewġ timijiet għar-rebħ tal-Kampjonat tal-Kostrutturi.

Is-sewwieqa tar-Red Bull Max Verstappen u Daniel Ricciardo għamlu l-ħames u s-sitt l-aħjar ħin, iżda l-Awstraljan se jibda mill-11-il post minħabba bidla mhux mistennija fit-turbo tal-karozza. Riżultati pożittivi għal Sauber hekk kif Marcus Ericsson għamel is-seba’ l-aħjar ħin li kien l-aħjar riżultat għalih, u qabeż lil sieħbu Charles Leclerc.

Kif spiċċaw il-provi uffiċjali – 1. Lewis Hamilton (Mercedes) 1:07.281 , 2. Sebastian Vettel (Ferrari) 1:07.374 , 3. Valtteri Bottas (Mercedes) 1:07.441 , 4. Kimi Räikkönen (Ferrari) 1:07.456 , 5. Max Verstappen (Red Bull) 1:07.778 , 6. Daniel Ricciardo (Red Bull) 1:07.780 , 7. Marcus Ericsson (Sauber) 1:08.296 , 8. Charles Leclerc (Sauber) 1:08.492 , 9. Romain Grosjean (Haas) 1:08.517 , 10. Pierre Gasly (Toro Rosso) 1:09.029

Eliminati fit-tieni fażi – 11. Kevin Magnussen 1:08.659 , 12. Sergio Perez 1:08.741 , 13. Esteban Ocon 1:08.770 , 14. Nico Hulkenberg 1:08.834 , 15. Sergey Sirotkin 1:10.381

Eliminati fl-ewwel fażi – 16. Carlos Sainz 1:09.269 , 17. Brendon Hartley 1:09.280 , 18. Fernando Alonso 1:09.402 , 19. Lance Stroll 1:09.441 , 20. Stoffel Vandoorne 1:09.601