Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“In-nuqqas ta’ infurzar hu serju u sistemiku” – Casa jgħid lill-MONEYVAL

MONVEYVAL bħalissa qed tmexxi l-Ħames Evalwazzjoni tagħha dwar il-konformità ta’ Malta mal-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Fid-dawl tar-rivelazzjonijiet reċenti tal-Proġett Daphne – grupp ta ‘ġurnalisti rinomati mad-dinja li qed ikomplu x-xogħol tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia – qed niġbed l-attenzjoni ta’ dan li ġej:

– Li s-sid ta’ 17 Black ġie żvelat bħala Yorgen Fenech, id-direttur tal-power station tal-Elettrogas;
– Li, skont il-korrispondenza bejn Mossack Fonseca u Nexia BT, 17 Black kellha tittrasferixxi €150,000 kull xahar lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, żewġ persuni esposti politikament f’livell għoli u li huma l-imħuħ wara l-proġett tal-power station ta’ Malta;
– Li fondi minn entitajiet assoċjati mal-proġett tal-istazzjon tal-enerġija ġew trasferiti għal 17 Black; u,
– Li l-fondi issa ġew iffriżati fil-kont bankarju ta’ 17 Black fil-bank Noor f’Dubai.

Sar magħruf ukoll li l-awtoritajiet Maltin ġew informati dwar l-identità tas-sid ta’ 17 Black ħafna xhur ilu u li l-ebda azzjoni ma tidher li ttieħdet sabiex tieqaf l-attività kriminali li potenzjalment għadha għaddejja. Lanqas ma ttieħdet azzjoni kontra Nexia BT – id-ditta tal-awditjar fil-qalba tal-allegazzjonijiet li nkixef kif qarrqet lill-FIAU, żammet informazzjoni u ffabbrikat ittri biex tiżgura l-konsistenza tad-dokumentazzjoni b’dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula minn persuni esposti politikament. Din l-informazzjoni tirriżulta mir-rapport tal-FIAU li jitlob azzjoni tal-pulizija kontra l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus ma jkunux jiswew id-dokument li huma stampati sakemm ma jiġux infurzati. Jidher li meta niġu għall-persuni qrib tal-Prim Ministru Malti, l-infurzar huwa ineżistenti u n-nuqqasijiet huma serji u sistemiċi. ”

David Casa talab biex din l-informazzjoni tinġieb għall-attenzjoni tat-tim ta’ evalwazzjoni ta’ MONEYVAL.