Lokali

Isem Malta reġa’ taħt dell ikrah

L-aħħar żviluppi żvelati l-Ġimgħa dwar l-allegat sid tal-kumpanija 17 Black wasslu biex, għal darb’oħra, isem pajjiżna spiċċa taħt dell ikrah.

Fil-fatt, l-aħbar żvelata minn Reuters u The Times of Malta kienet ikkwotata wkoll minn għadd ta’ aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali.

Fosthom The New York Times, li ppubblikat artiklu b’informazzjoni dettaljata dwar li l-kumpanija sigrieta msemmija fil-kitbiet tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, b’17 Black allegatament hi ta’ Direttur f’Konsorzju li ntgħażel biex jibni u jħaddem il-Power Station ta’ Dellimara.

Anke s-sit elettroniku repubblica.it semmiet il-fatt li l-kumpanija, ibbażata f’Dubaj, hi marbuta mal-interessi ta’ persuni prominenti tal-Gvern Laburista Malti. Dan anke skont ir-rapporti żvelati oriġinarjament minn Daphne Caruana Galizia, li kienet żvelat l-eżistenza tal-kumpanija.

L-aħbar, li qed tkompli tħammar wiċċ Malta, kienet irrappurtata wkoll mis-sit elettroniku ‘Antimafia duemila’.

L-informazzjoni żvelata l-Ġimgħa qed twassal għal attakk ieħor fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Kien żvelat li s-sid ta’ 17 Black hu Yorgen Fenech, Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group, li jagħmel parti mill-Konsorzju Electrogas.

Minn korrispondenza li żvelata fix-xhur li għaddew, 17 Black kellha tgħaddi pagamenti ta’ €150,000 fix-xahar lill-kumpaniji Hearnville u Tillgate – il-kumpaniji sigrieti fil-Panama li kienu ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament.

Dan ifisser li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirċievu pagamenti ta’ €150,000 fix-xahar kull wieħed, minn kumpanija li issa sar magħruf li hi ta’ wieħed mill-operaturi tal-Power Station ta’ Delimara.