Lokali

Joseph Muscat se jibqa’ jilgħab għall-ħin flok jiddeċiedi immedjatament li jħares ir-reputazzjoni ta’ Malta – Adrian Delia

Imqar bil-kejl tiegħu stess, Joseph Muscat għandu jneħħi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, wara li hu kien qal li kieku nstab li l-kumpanija sigrieta fil-Panama Egrant hija tiegħu jew ta’ martu kien iwarrab u nefaq aktar minn miljun ewro minn flus il-poplu biex inaddaf ismu.

Fi stqarrija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Keith Schembri u Konrad Mizzi iżda kellhom strutturi ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama, u dan b’ammissjoni tagħhom stess, u allura Joseph Muscat m’għandu xejn xi jżommu milli jieħu dan il-pass?


Il-Kap tal-PN spjega li fil-manifest elettorali tal-elezzjoni ġenerali tal-2013, Joseph Muscat kien qal li jemmen ‘f’politika u politiċi ta’ responsabilità u kontabilità, politiċi li jirrispondu għal għemilhom u li jaraw li għemilhom ikun trasparenti’.

Huwa saħaq li jekk Joseph Muscat tassew jemmen fil-kontabilità u għandu għal qalbu l-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ Malta, m’għandux triq oħra ħlief li jneħħi immedjatament lil Keith Schembri u Konrad Mizzi. X’inhu jistenna milli jieħu dan il-pass? Min qed iżommu?


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li għaddew aktar minn 24 siegħa u l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma ħax azzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dan wara li lbieraħ Reuters u Times of Malta rrappurtaw li s-sid tal-kumpanija misterjuża 17 Black f’Dubaj huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija li hija parti mill-konsorzju Electrogas li kienet intgħażlet biex tibni u tħaddem il-power station il-ġdida f’Delimara.

Għal Joseph Muscat il-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ Malta u l-ħarsien tal-impjiegi ta’ eluf ta’ żgħażagħ u professjonisti mhix importanti u minflok se joqgħod jilgħab għall-ħin u jistenna li jintemmu l-inkjesti li jinsabu għaddejjin fil-Qorti, u li qed itawwal hu stess bl-appelli.


Huwa insista li kienu Keith Schembri u Konrad Mizzi stess, permezz ta’ Nexia BT, li qalu li kellhom jirċievu €150,000 fix-xahar mingħand il-kumpanija 17 Black.

Joseph Muscat għandu quddiemu għażla ċara li jew jiddefendi lil Malta u jieħu d-deċiżjoni li missu ilu li ħa jew inkella se jibqa’ jiddefendi liż-żewġ persuni l-aktar qrib tiegħu. Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ma tistax tibqa’ ssirilha l-ħsara u għalhekk l-Oppożizzjoni mhix se toqgħod kwieta jekk il-Prim Ministru se jibqa’ ma jagħmel xejn.