Lokali

Keith Schembri u Konrad Mizzi kellhom jirreżenjaw mill-ewwel – Kundanna unanima

24 siegħa wara r-rivelzazzjonijiet li għamlu r-Reuters u The Times of Malta, fejn ġie żvelat li s-sid tal-kumpaija 17 Black hu Yorgen Fenech, Direttur ta’ Electrogas, il-pajjiż reġa qam jitkellem dwar dan.

Numru ta’ opinjonisti stqarrew ma’ NET News li meta ċ-Chief of Staff ta’ Prim Ministru u l-Ministru tal-Enerġija ta’ dak iż-żmien ġew esposti li kellhom kumpaniji fil-Panama, dawn kellhom jirriżenjaw mill-ewwel. Iżda dan ma seħħx.

U issa sar magħruf li dawn il-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom xi tip ta’ rabta kummerċjali mal-kumpanija sigrieta tad-direttur tal-Electrogas, il-kumpanija li qed tmexxi l-Power Station il-ġdida.

Ma’ NET News, James Debono qal li f’pajjiż ċivliizzat, każ bħal dan għandu jwassal għar- riżenji.

Min-naħa tiegħu, Norman Vella tenna l-istess ħsieb ta’ James Debono, meta qal li l-mument li Mizzi u Schembri fetħu l-kumpaniji, kien il-mument li l-pożizzjoni tagħhom ma baqgħetx aktar tenibbli.

L-opinjonista Silvana Debono qalet li l-konnessjonijiet bejn id-dinja tal-politika u dik tan-negozju dejjem eżistew, iżda l-konnessjonijiet li ħarġu mir-rivelazzjonijet tal-Ġimgħa huma tip ta’ konnessjonijiet li m’humiex aċċettabbli f’demokrazija.

Sadanittant, fl-edizzjoni tal-Ġimgħa tal-programm NET Live, l-Avukat Bernard Grech li qal li issa sirna nafu aktar milli biss min hu s-sid ta’ 17 Black.

L-opinjonisti li tkellmu ma’ NET News ilkoll qablu li dak li għamlu Mizzi u Schembri għandu jwassal għar-riżenji.

Iżda minkejja dan kollu, Konrad Mizzi u Keith Schembri jibqgħu iggranfati mal-pożizzjonijiet tagħhom u Muscat jibqa’ jiddefendihom, lil hinn mill-interessi tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.