Napoli jinsabu momentarjament tliet punti taħt il-leaders Juventus wara li kisbu rebħa diffiċli iżda importanti ta’ 2-1 kontra Genoa. Il-logħba li ntlagħbet fi Stadio Marassi twaqqfet għal xi ħin fit-tieni taqsima minħabba l-ammont kbir ta’ xita li niżlet, b’kawża li f’xi partijiet beda jeħel il-ballun.
Kienu Genoa li fetħu l-iskor fl-20 minuta meta CHRISTIAN KOUAME għeleb lil Davide Ospina b’daqqa ta’ ras wara kross mil-lemin. Napoli ġabu d-draw fit-62 minuta b’xutt fil-baxx ta’ FABIAN RUIZ, biex il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fis-86 minuta b’Davide Biraschi jolqot il-ballun ħażin biex spiċċa għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess wara kross mix-xellug.
Cagliari rkupraw żvantaġġ ta’ żewġ gowls biex spiċċaw 2-2 kontra Spal. ANDREA PETAGNA kien poġġa lil Spal minn fuq wara biss tliet minuti, b’MIRKO ANTENUCCI deher li seta’ għalaq il-logħba fil-71 minuta. Reazzjoni immedjata ta’ Cagliari li daħlu fil-logħba fit-73 minuta permezz ta’ LEONARDO PAVOLETTI, biex tliet minuti wara ARTUR IONITA ġab id-draw.
Parma kisbu rebħa importanti b’rebħa barra minn darhom ta’ 2-1 fuq Torino. GERVINHO kien fetaħ l-iskor wara li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża avversarja u skorja b’xutt fil-baxx. Parma rduppjaw fil-25 minuta b’ROBERTO INGLESE jegħleb lil Salvatore Sirigu wara li rċieva kross mix-xellug. Torino kienu naqqsu l-iskor fis-37 minuta b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ DANIELE BASELLI, iżda fit-tieni taqsima ma sabux gowl ieħor biex tal-anqas isalvaw punt.
Riżultati – Ilbieraħ – Frosinone v Fiorentina 1-1 , Illum – Torino v Parma 1-2 , Spal v Cagliari 2-2 , Genoa v Napoli 1-2 , Għada – Atalanta v Inter 12.30pm , Chievo v Bologna 3.00pm , Roma v Sampdoria 3.00pm , Empoli v Udinese 3.00pm , Sassuolo v Lazio 6.00pm , Milan v Juventus 8.30pm
Klassifika – Juventus 31 punt, Napoli 28 punt, Inter 25 punt, Milan 21 punt, Lazio 21 punt, Sassuolo 18-il punt, Fiorentina 17-il punt, Torino 17-il punt, Parma 17-il punt, Roma 16-il punt, Sampdoria 15-il punt, Atalanta 15-il punt, Cagliari 14-il punt, Genoa 14-il punt, Spal 13-il punt, Bologna 9 punti, Udinese 9 punti, Frosinone 7 punti, Empoli 6 punti, Chievo -1 punt.
//= $special ?>