Futbol Sport

Newcastle United jerġgħu jirbħu u jitbiegħdu miz-zona l-ħamra

Newcastle United inqalgħu miz-zona tar-relegazzjoni bit-tieni rebħa tagħhom fi spazju ta’  ġimgħa — din id-darba għall-ispejjeż ta’ Bournemouth — bit-taqtigħa lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika ssir dejjem aktar interessanti. Intant, Cardiff City – tim ieħor fl-inkwiet – kiseb rebħa rari f’daru kontra Brighton waqt li kompla l-inkwiet għal Southampton li kellhom jikkuntentaw bid-draw, 1-1, ma’ Watford, bil-futur qed jidher aktar imċajpar għall-manager tas-Saints, Mark Hughes.

Ir-rebħa ta’ Newcastle kienet it-tieni waħda konsekuttiva għall-Magpies (fil-Premier League) għall-ewwel darba minn April u fejn l-eroj, bla dubju, kien Salomon Rondon b’żewġ gowls skurjati fl-ewwel taqsima (fis-7 u l-40 minuta). Intant, Bournemouth, li huma fost it-tims rivelazzjoni tal-istaġun, irnexxielhom inaqqsu d-distakk minn Jefferson Lerma li daħal għall-cross ta’ Fraser wara li r-referi ta xejn anqas minn tmien minuti addizzjonali qabel saffar għall-mistrieħ.

Cardiff City kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun fis-‘six-pointer’ ma’ Brighton li bħalhom qegħdin jissieltu biex iżommu ‘il bogħod kemm jista’ ikun miż-żona l-ħamra. Kienu Brighton li marru fil-vantaġġ bid-daqqa ta’ ras ta’ Lewis Dunk wara biss sit minuti, iżda fit-28 minuta, Callum Paterson għamilhom 1-1, ukoll bir-ras, qabel il-mistrieħ. Intant ftit minuti wara l-gowl Brighton spiċċaw b’għaxasr plejers wara li tkeċċa Dale Stephens għal daħla kerha fuq Greg Cunninghom u minn dak il-ħin il-logħba ġiet għat-telgħa għas-Seagulls.

Fit-tieni taqsima, Brighton fetħu assedju fuq il-lasta avversarja iżda kellhom jistennew sad-90 minuta sakemm Sol Bamba sammar ġewwa mill-viċin għall-gowl deċiżiv, sekondi wara li Cardiff kienu laqtu l-lasta darbtejn mill-istess azzjoni.

Huddersfield Town hu tim ieħor fin-naħa t’isfel tal-Premier League u wara li, nhar it-Tnejn, irnexxielu jikseb rebħa prezzjuża fuq Fulham, din id-darba kellu jikkuntenta bi draw f’daru, 1-1, ma’ West Ham United. It-Terriers fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara sitt minuti meta Alex Pritchard għeleb lil Fabianski fil-lasta tal-Hammers. Huddersfield komplew jagħfsu u laqtu l-lasta kif ukoll il-mimduda waqt azzjonijiet insidjużi, iżda wara l-mistrieħ West Ham ħadu r-riedni u kisbu d-draw meritat kwarta mit-tmiem meta Felipe Anderson dar fil-kaxxa u spara fir-rokna tax-xibka għall-parità.

Il-logħba bejn Leicester City u Burnley fil-King Power Stadium mill-ġdid żvolġiet f’avveniment emozzjonali wara l-mewta traġika tal-proprjetarju ta’ Leicester, Vichai Srivaddhanaprabha, li l-ħelikopter tiegħu kien iġġarraf barra l-istess stadium ftit tal-ġimgħat ilu. Il-mibki Chairman ta’ Leicester kien mexxa lill-Foxes għar-rebħa ‘mirakoluża’ tal- Premier League fl-2015-16 u l-partitarji taż-żewġ tims, ilbieraħ, ma naqsux milli jfakkru l-memorja tiegħu u tal-erba’ persuni l-oħra li tilfu ħajjithom fl-istess inċident. Il-logħba spiċċat fi draw, 0-0, b’Leicester imorru viċin il-gowl diversi drabi fl-ewwel taqsima u bil-logħba, imbagħad, tiżvolġi f’waħda monotona bi ftit azzjonijiet u bit-tims, fl-aħħarnett, jikkuntentaw b’punt kull wieħed.

Southampton , mill-ġdid, ma rnexxielhomx jieħdu punti massimi minn partita f’darhom, fejn spiċċaw fi draw, 1-1, ma’ Watford. Sadanittant, il-manager tas-Saints, Mark Hughes, fl-aħħar tal-logħba, ikkritika bl-aħrax lir-referee, Simon Hooper, li, fit-tieni taqsima, ħasser dak li deher bħala gowl validu ta’ Charlie Austin wara li Manolo Gabbiadini kien poġġa lill-istess Saints fil-vantaġġ wara 20 minuta.

Id-deċiżjoni kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal Southampton li għadhom qed jistennew l-ewwel rebħa ‘home’ tal-istaġun, b’Watford iwieġbu għall-gowl ta’ Gabbiadini tmien minuti mit-tmiem meta, fuq tentattiv ta’ Jose Holebas, il-ballun ħabat mad-difensur Cedric Soares u spiċċa ġewwa, bil-gowlkiper McCarthy maqbud fuq sieq waħda.

Tottenham Hotspur għelbu lil Crystal Palace, 1-0, f’Selhurst Park, b’din il-logħba żgur se tibqa’ memorabbli għall-iskorer, Juan Foyth, li ġimgħa ilu kien il-kaġun ta’ żewġ penalties għal Wolves proprju fid-debutt tiegħu għal Spurs fil-kampjonat ( b’dik il-logħba wkoll tintrebaħ mit-tim ta’ Londra).

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet 0-0, id-difensur Arġentin ta’ 20 sena, fis-66 minuta, approfitta minn taħwida fil-lasta ta’ Palace fejn kien pront biex jiskorja bir-ras wara li d-difiża mblukkat parzjalment il-header ta’ Harry Kane. B’din ir-rebħa, Tottenham ikkonsolidaw posthom fir-raba’ post tal-Premier League waqt li Palace, issa, naqsu milli jiksbu rebħa fl-aħħar seba’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha.

Riżultati – Cardiff v Brighton 2-1 , Huddersfield v West Ham 1-1 , Leicester v Burnley 0-0 , Newcastle v Bournemouth 2-1 , Southampton v Watford 1-1 , Crystal Palace v Tottenham 0-1 , Għada – Liverpool v Fulham 1.00pm , Chelsea v Everton 3.15pm , Arsenal v Wolves 5.30pm , Manchester City v Manchester United 5.30pm

Klassifika – Manchester Ciaty 29 punt, Chelsea 27 punt, Liverpool 27 punt, Tottenham 27 punt, Arsenal 23 punt, Bournemouth 20 punt, Watford 20 punt, Manchester United 20 punt, Everton 18-il punt, Leicester 17-il punt, Wolves 15-il punt, Brighton 14-il punt, West Ham 12-il punt, Newcastle 9 punti, Burnley 9 punti, Crystal Palace 8 punti, Southampton 8 punti, Cardiff 8 punti, Huddersfield 7 punti, Fulham 5 punti