Futbol Sport

Paco Alcacer ipoġġi lil Borussia Dortmund seba’ punti fuq Bayern Munich

(Ritratt: EPA)

Borussia Dortmund dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Bayern Munich 3-2 f’logħba mill-isbaħ. Dan ir-riżultat ifisser li Dortmund jinsabu erba’ punti vantaġġ f’ras il-klassifika fuq Borussia Monchengladbach, u seba’ punti fuq iċ-champions renjanti Bayern Munich li jinsabu t-tielet.

Bayern bdew il-logħba aħjar mill-avversarji u meritatament marru fil-vantaġġ fis-26 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Robert Lewandowski wara li rċieva kross tajjeb ta’ Serge Gnabry. Dortmund tjiebu fit-tieni taqsima u ġabu d-draw fid-49 minuta minn penalty ta’ Marco Reus wara li l-Ġermaniż kien imwaqqa’ fil-kaxxa mill-gowlkiper Manuel Neuer.

Iżda l-ferħ ta’ Dortmund dam biss tliet minuti hekk kif Robert Lewandowski reġa’ poġġa lil Bayern Munich fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras oħra. It-tim ta’ Lucien Favre kellu tentattiv mbiegħed minn fuq il-linja, iżda dan kien il-preludju għat-tieni meta għal darba oħra kien Marco Reus li għeleb lil Neuer b’xutt mill-ewwel fil-baxx.

Iż-żewġ naħat kienu qed jagħfsu biex jiskorjaw il-gowl tar-rebħa, iżda kienu Dortmund li fit-73 minuta marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba, meta Paco Alcacer qabad id-difiża avversarja fuq sieq waħda, avvanza u daħal fil-kaxxa biex qata’ ftit il-ballun minn mal-art u għeleb lil Neuer.

Fl-aħħar għaxar minuti, Bayern pruvaw isalvaw il-logħba u kienu għoddhom ġabu d-draw fil-ħin miżjud bi ġmiel ta’ konklużjoni ta’ Lewandowski iżda l-gowl tħassar għal offside.

Riżultati – Ilbieraħ – Hannover v Wolfsburg 2-1 – Illum – Nürnberg v Stuttgart 0-2 , Hoffenheim v Augsburg 2-1 , F. Düsseldorf v H. Berlin 4-1 , Freiburg v Mainz 1-3 , W. Bremen v B. M’g’bach 1-3 , B. Dortmund v B. Munich 3-2 ,, Għada – Leipzig v B. Leverkusen 3.30pm , E. Frankfurt v Schalke 6.00pm

Klassifika wara l-11-il ġurnata – Borussia Dortmund 27 punt, Borussia Monchengladbach 23 punt, Bayern Munich 20 punt, Leipzig 19-il punt, Hoffenheim 19-il punt, Eintracht Frankfurt 17-il punt, Werder Bremen 17-il punt, Hertha Berlin 16-il punt, Mainz 15-il punt, Augsburg 13-il punt, Freiburg 13-il punt, Wolfsburg 12-il punt, Bayer Leverkusen 11-il punt, Schalke 10 punti, Nürnberg 10 punti, Hannover 9 punti, Fortuna Düsseldorf 8 punti, Stuttgart 8 punti