Futbol Sport

RITRATTI: Pietà jwettqu rimonta u jsalvaw punt f’partita pjaċevoli

(Ritratt: Joseph Galea)

ST. ANDREWS…………….. 3   PIETÀ H………………………. 3

St. Andrews: M. Calleja Cremona, A. Brown, T. Blagrove, A. Borg, A. Satariano, K. Magro, R. Martin, J. Farrugia (M. Woo Ling 66’), M. Davis, A. Friggieri (D. Jakcson 73’), K. Reid (J. Walker 86’)

Pietà: N. Vella, T. Ose, C. Grech, A. Machedo Neto, C. Degabriele, D. Agius, I. Jalo (N. Pisani 79’) , S. Nakamura (J. Scicluna 83’), N. Pace Cocks, J. Busuttil, G. Mensah

Imwissija: A. Machedo Neto 30’ (P), A. Brown 42’, M. Calleja Cremona 64’, T. Blagrove 71’, M. Woo Ling 74’ (S)

Skorjaw: A. Machedo Neto og 9’, K. Reid 13’, M. Davis 51’ (S), D. Agius 18’ pen, 65’ pen, G. Mensah 60’ (P)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Dusan Petrovic

Il-Mument Plejer tal-logħba: Martin Davis (St. Andrews)

Rimonta tajba ta’ Pietà Hotspurs wasslet biex salvaw punt, f’waħda mill-isbaħ logħbiet tal-istaġun sa issa. St. Andrews kellhom bidu tajjeb u meritatament daħlu jistrieħu minn fuq u wara li għamlu l-iskor 3-1, il-logħba dehret li setgħet kienet mitmuma.

Iżda Pietà baqgħu fil-logħba u wara li ġabu d-draw kienu l-aktar tim li attakkaw biex jirbħu l-logħba, b’St. Andrews ma baqgħux jimponu l-logħba.

St. Andrews fetħu l-iskor wara disa’ minuti fl-ewwel azzjoni tal-logħba. Kien free-kick maħsub ta’ Joseph Farrugia li qassam fil-baxx lejn Martin Davis li krossja mil-lemin, bil-ballun ikun imxellef mid-difensur Antonio Machedo Neto u spiċċa fix-xibka.

It-tim ta’ Johann Scicluna rdoppja erba’ minuti wara b’ħarba tajba fuq il-lemin ta’ Amoy Brown li qassam għan-nofs lejn Joseph Farrugia. Ix-xutt tal-veteran kien imblokkat parzjalment, iżda l-ballun reġa’ spiċċa għandu u qassam fil-kaxxa ż-żgħira lejn KEMAR REID li skorja mill-viċin.

Pietà daħlu fil-logħba fit-18-il minuta meta r-referee Alan Mario Sant ordna penalty wara li ġġudika li xutt ta’ Gabriel Mensah ħabat ma’ id Kurt Magro. Mill-11-il metru DYLAN AGIUS għeleb lil Matthew Calleja Cremona b’xutt fil-baxx.

St. Andrews kellhom ċans tajjeb li jerġgħu jmorru żewġ gowls vantaġġ man-nofs siegħa logħob. Alan Mario Sant saffar għat-tieni penalty tal-logħba meta xutt ta’ Martin Davis deher jiġi blokkat minn id Machedo Neto. Iżda din id-darba, Kemar Reid ra x-xutt fil-baxx tiegħu jkun imdawwar f’korner bi bravura minn Nicky Vella.

Il-Viola għamluhom 3-1 fil-51 minuta wara li Kemar Reid ħa vantaġġ minn żball fid-difiża ta’ Pietà, avvanza u mix-xellug krossja lejn MARTIN DAVIS li kompla għal ġewwa mill-viċin.

Sa dak il-ħin, St. Andrews dehru fil-kontroll tal-logħba, iżda Pietà reġgħu daħlu fil-logħba mas-siegħa logħob, b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ GABRIEL MENSAH li ħasad lil Matthew Calleja Cremona, bix-xutt jaħbat qabel jidħol fix-xibka.

It-tim ta’ Ramon Zammit saħansitra ġab id-draw fil-65 minuta meta Matthew Calleja Cremona ħareġ tard u waqqa’ lil Irimiya Yalo fil-kaxxa. DYLAN AGIUS reġa’ nkariga ruħu mill-penalty u reġa’ għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Wara dan il-gowl, Pietà kmandaw il-kumplament tal-logħba u marru viċin li jirbħu l-logħba fis-87 minuta b’ħarba tajba ta’ Jan Busuttil mal-lemin, biż-żagħżugħ jitfa’ kross fil-baxx għan-nofs lejn Gabriel Mensah, iżda x-xutt tal-aħħar għadda ċentimetri barra.