Futbol Sport

Tulimieri jagħti t-tielet rebħa konsekuttiva lil Ħamrun

(Ritratt: Jonathan Bugeja)

ĦAMRUN S…………………. 1   SENGLEA A………………… 0

Ħamrun: M. Bartolo, J. Busuttil (C. Cutajar 61’), M. Gauci, O. Nikolopoulos, E. Pepe, T. Caruana, A. Monticelli, M. Criaco (R. Darmanin 80’), K. Tulimieri, Calil, W. Domoraud

Senglea: M. Farrugia, B. Muscat, Z. Cassar, F. Salvati, I. Gonzalez, F. Bramati (M. Bartolo 42’), L. Grech, K. Cutajar, M. Garcia, M. Guillari (R. Tcanturia 65’), A. Caseres

Imwissija: M. Garcia 56’ (S), R, Tcanturia 67’ (S), C. Cutajar 72’ (Ħ), F. Salvati 90’ (S)

Skorja: K. Tulimieri 68’ (Ħ)

Referee: Mario Apap

Assistenti Referees: Chris Francalanza, Ivan Galea

Il-Mument Plejer tal-logħba: Kevin Tulimieri (Ħamrun Spartans)

Rapport: George Cassar

Gowl ta’ Kevin Tulimieri f’nofs it-tieni taqsima kien biżżejjed biex Ħamrun Spartans kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva minn fuq it-tim ta’ Senglea Athletic. Din ir-rebħa tikkonferma t-titjib fit-tim Ħamruniż ta’ dan l-istaġun immexxi minn Giovanni Tedesco li dejjem qiegħed joqrob lejn it-timijiet ta’ fuq, b’kuntrast għat-tim mill-Isla li sofra t-tmien telfa tal-istaġun minn għaxar partiti u baqa’ ankrat fl-aħħar post.

Din kienet is-seba’ logħba minn għaxra li fiha l-Ispartans ma qalgħux gowl. Il-koppja fid-difiża ċentrali ffurmata minn Enrico Pepe u Orestis Nikolopoulos qed tikkombina tajjeb u tifforma ħajt sod quddiem il-gowlkiper Manuel Bartolo.

Il-partita, li ntlagħbet f’xita u riħ kontinwi, kellha timbru Taljan hekk kif apparti ż-żewġ kowċis kien hemm ukoll total ta’ seba’ plejers Taljani miż-żewġ timijiet. Għal Ħamrun iddebutta sa mill-ewwel minuta ż-żagħżugħ ta’ dsatax-il sena Jeremy Busuttil li lagħab fuq il-faxxa leminija tad-difiża minflok is-solitu Karl Micallef li kien sospiż.

Ħamrun heddew serjament il-lasta ta’ Senglea wara inqas minn żewġ minuti meta l-free-kick ta’ Marco Criaco mil-lemin ġie konkluż b’xutt ta’ Antonio Monticelli li iżda kien imtajjar f’korner b’abbiltà mill-gowlkiper Senglean Matthew Farrugia li lbieraħ kellu prestazzjoni ferm pożittiva kontra l-ekstim.

F’nofs l-ewwel taqsima Senglea resqu qrib meta rebħu free-kick ftit ċentimetri bogħod mill-kaxxa tad-difiża Ħamruniża li kien mogħti mill-captain Senglean Federico Salvati li l-konklużjoni tiegħu għaddiet żbrixx minn mal-mimduda.

Iż-żewġ timijiet bidlu l-flokkijiet qabel ħarġu għat-tieni taqsima minħabba x-xita kontinwa. Ħames minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, Wilfried Domoraud dar tajjeb u għadda lid-difiża avversarja iżda Matthew Farrugia reġa’ kien determinanti u dawwar f’korner.

Ħamrun skurjaw il-gowl tar-rebħa fit-68 minuta meta minn korner ta’ Triston Caruana, KEVIN TULIMIERI tħalla wisq ixxamplat f’nofs il-kaxxa u kien pjuttost komdu biex jitfa’ l-ballun fix-xibka bir-ras. B’dan il-gowl, Triston Caruana kien involut b’xi mod fi tlieta mill-aħħar erba’ gowls li skurjaw Ħamrun fil-kampjonat. Fid-disgħin minuta s-sostitut Ryan Darmanin kellu fejn jissiġilla r-rebħa iżda tefa’ barra minn pożizjoni tajba wara li rċieva mingħand Calil.