Lokali

Argument bejn tliet irġiel – isuq fuq żewġ karozzi pparkjati

Persuna sofriet ġrieħi ta’ natura gravi f’argument li nqala’ bejn tliet persuni u li fih wieħed minnhom saħansitra saq għal fuq żewġ vetturi oħra.

Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta ta’ 3am hekk kif għal xi raġuni nqala’ argument fi Triq is-Serkin, il-Marsa.

It-tliet persuni huma raġel ta’ 33 sena residenti l-Ħamrun, raġel ta’ 42 sena u raġel ta’ 41 sena, it-tnejn residenti Ħal-Qormi.

Jidher li waqt l-argument kien hemm żewġ vetturi pparkjati fl-istess triq li ġarbu diversi ħsarat wara li vettura li kienet qiegħda tinstaq minn wieħed mill-persuni involuti nstaqet għal fuqhom.

It-tliet irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei għal kura fejn aktar tard, ir-raġel ta’ 42 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi, ir-raġel ta’ 33 sena ma sofra l-ebda ġrieħi, filwaqt li r-raġel l-ieħor qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.