Lokali

BIR-RITRATTI: Imfakkar il-100 sena minn Jum l-Armistizju

Malta ingħaqdet ma’ diversi pajjiżi madwar id-dinja fil-kommemorazzjoni tal-100 sena minn Jum l-Armistizju – it-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Kien propju fil-11 ta’ filgħodu tal-11-il jum tal-11-il xahar li waqa’ is-silenzju fil-kampijiet tal-battalja fejn miljuni ta’ suldati inqatlu f’erba’ snin ta’ ġlied qalil. Matul iż-żmien, Jum l-Armistizju inbidel f’Jum it-Tifkira li fihom jitfakkru l-vittmi tal-Gwerer kollha.

Iċ-ċerimonja f’Malta bdiet b’quddiesa konċelebrata immexxija mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna.

Fl-Omelija tiegħu, Mons Arċisqof fakkar kif matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, Malta kienet l-infermiera tal-Mediterran fejn tat kenn, ħarsien u fejqan għal dawk kollha midruba. U post ta’ mistrieħ ta’ dejjem għal dawk li ma setgħux ikunu salvati mill-ġrieħi tagħhom.

Hu jittama li Malta tibqa’ preżenza li ma ġġibx aggressjoni iżda kenn, ħarsien u paċi.

L-Arċisqof qal li l-gwerrer isiru meta l-bniedem jitlef ir-raġuni. Minn Homo Sapiens – il-bniedem li jirraġuna għal Homo Rapiens – il-bniedem li jaħtaf, li juża l-vjolenza biex jieħu ħwejjeġ ħaddieħor. U l-Gwerrer iwasslu wkoll biex il-bniedem jiddubita mit-tjubija ta’ Alla minħabba l-kefrija tal-istess bniedem.

Preżenti għall-quddiesa kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anglu Farrugia, membri tal-ġudikatura mmexxija mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, Ministri u Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll diversi membri tal-Korp Diplomatiku f’Malta.

Iċ-Ċerimonja ta’ tifkira wara kompliet quddiem il-monument tal-Gwerra fil-Furjana.

Hawnhekk l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, flimkien ma’ ambaxxaturi ta’ diversi pajjiżi, poġġew fjuri mal-monument. Fil-11a.m. waqa’ s-silenzju b’tifkira għal dawk kollha li tilfu ħajjithom.

Waqt iċ-ċerimonja saret ukoll flypast minn ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta li tefa’ mijiet ta’ pepprini ħomor li ttajjru mar-riħ. Fl-Ewwel Gwerra Malta ma kinitx involuta b’mod dirett, pero’ xorta waħda tat is-sehem tagħha peress li serviet bħala sptar militari. Kienu ħafna s-suldati feruti li nġiebu Malta biex jingħataw kura. Ta’ min ifakkar li f’din l-ewwel gwerra kienu tilfu ħajjithom mad-disa’ miljun suldat u mas-seba’ miljuni persuni ċivili.

Fl-1918, mat-tmiem ta’ din il-gwerra, ħafna mexxejja sostnew li din kellha tkun il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha, pero’ nafu li l-istorja uriet mod ieħor.